Tul seduta tal-Parlament taż-Żgħażagħ fil-Kamra tar-Rappreżentanti l-Ġimgħa filgħodu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech indirizza lil dawn iż-żgħazagħ u sejjħilhom “il-prezent tal-pajjiż”.
Hu ħeġġiġhom biex ma jibqgħux lura u biex jaħdmu sabiex il-ħolm tagħhom isir realtà.
“JIEN IRRID LI PAJJIŻNA JKUN AMBIZZJUŻ U ALLUR INTOM UKOLL TRIDU TKUNU AMBIZZJUŻI”
Wara li semagħhom jiddiskutu, Bernard Grech qal li ż-żgħażagħ qed jirriflettu sew dak li qed jaħdem fuqu wkoll il-Partit Nazzjonalista – ħidma fuq it-tibdil fil-klima u l-ambjent. Ħidma li trid tkun kontinwa u konsistenti
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar liż-żgħażagħ jistgħu verament ikunu l-katalisti f’dak li hu ambjent u tibdil fil-klima.
Hu semma għadd ta’ proposti li qed jagħmel il-PN f’dawn l-oqsma. Fost l-oħrajn hu qal li l-mira tiegħu hi li sa 10 snin oħra, nofs il–karozzi fit-toroq tagħna jkunu elettriċi.
Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jara ppjanar aħjar f’diversi lokalitajiet. Huwa rabat dan ukoll mal-importanza li nieħdu ħsieb is-saħħa mentali, u saħaq dwar l-importanza li dan is-suġġett ma jibqax taboo.
Bernard Grech fakkar ukoll kif il-PN insista biex l-istudenti żgħażagħ ikollhom l-opportunità li din is-sena jkunu jistgħu ikomplu l-edukazzjoni tagħhom b’mod fiżiku wkoll wara l-pandemija.
Hu ndirizza wkoll il-problema ta’ xogħol li mhux ta’ livell għal studenti gradwati u qal li l-ambizzjoni tal-PN għall-gradwati hi jkollhom jistennewhom xogħolijiet li huma verament ta’ kwalità.
Bernard Grech qal li l-UE għandha ambizzjoni li toħloq il-miljuni ta’ opportunitajiet ta’ xogħol fil-Green Economy. Huwa qal li l-ambizzjoni tiegħu hi li pajjizna jkun kapaċi joħloq 10,000 impjieg ġdid fil green economy f’Malta u Għawdex stess.
Huwa semma wkoll l-importanza li pajjiżna jkun kapaċi jnaddaf ismu u dan, anke permezz ta’ Governanza tajba.
Bernard Grech awgura lill-istudenti għas-seduta u qallhom li jittama li din l-esperjenza tħalli wkoll frott li jistgħu igawdu minnu huma stess fis-snin li ġejjin.
//= $special ?>