Futbol Sport

‘Replay Preview’ mill-lejla, fl-9:40pm fuq Net Television

Il-programm tal-futbol b’differenza, tal-Ġimgħa filgħaxija, li jippreżenta diskussjoni ta’ livell u servizzi riċerkati u informattivi, saħansitra mill-passat tal-futbol Malti.

Mill-lejla, fl-9:40pm fuq Net Television, jiddebutta l-ewwel programm televiżiv sportiv ta’ Replay f’din l-iskeda l-ġdida, ‘Replay Preview’. Dan hu wieħed mit-tliet programmi li se jkunu qed jerġgħu jixxandru kull ġimgħa fuq Net Television, u li qed jerġa’ iżomm l-appuntament tiegħu mad-dilettanti tal-futbol lokali u internazzjonali, kull nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija.

Din se tkun is-seba’ sena konsekuttiva ta’ ‘Replay Preview’ fuq it-televiżjoni, wara li kien beda’ jixxandar bħala esperiment mit-tim ta’ Replay, f’Settembru tal-2014. Sa mill-ewwel ġimgħat tiegħu fuq it-televiżjoni, ‘Replay Preview’ kiseb popolaritá kbira fost dawk kollha li jsegwu l-futbol domestiku, iżda mhux biss. ‘Replay Preview’ jagħti importanza u attenzjoni lejn l-istorja mill-passat tal-futbol Malti, b’diversi servizz riċerkati u intervisti ma’ plejers u uffiċjali mill-passat ta’ din il-logħba, li għandhom rakkont u sehem importanti mill-istorja ta’ dan l-isport f’Malta.

L-eks referee tal-Kampjonat Premier f’Malta, Andre Arciola f’Replay Preview tal-llejla, l-ewwel wieħed tal-iskeda, fuq Net Television.

L-eks referee tal-Kampjonat Premier, Andre Arciola f”X’Sar Minnhom?’

Għaldaqstant, għal staġun ieħor, tissokta r-rokna tant popolari, ‘X’Sar Minnhom?’, b’aktar intervisti ġodda u interessanti. Illum, fl-ewwel programm, se nkunu qed niltaqgħu ma’ Andre Arciola, li sa Settembru tal-2015, kien wieħed mir-referees ewlenin fil-Kampjonat Premier.

Illum, Arciola m’għadux aktar involut fil-futbol u lanqas fir-refereeing, wara li tul il-karriera tiegħu ta’ referee, ikkontrolla ‘l fuq minn 100 partita fil-Kampjonat Premier. L-aħħar partita tiegħu kienet f’Settembru tal-2015, meta ikkontrolla l-konfront bejn il-ġirien Mosta FC u Balzan F.C.. F’dik l-istess sena, f’Mejju tal-2015, kien ir-referee fil-Finali tal-FA Trophy, mirbuħa minn Birkirkara FC, bl-iskor ta’ 2-0 kontra Hibernians F.C..

Arciola kien waqaf ħesrem minn referee, fl-etá ta’ 33 sena. Għalfejn? X’ġara?

Kien idebutta fil-Kampjonat Premier, fl-2006, fl-etá ta’ 24 sena. Minkejja li kien fost ir-referees l-aktar prometenti ta’ żmienu, hu baqa’ qatt ma sar referee tal-FIFA. Għalfejn? Arciola se jkun qed jitkellem dwar dan kollu, fl-intervista tal-lejla, f’Replay Preview fl-9:40pm fuq Net Television.

Analiżi u diskussjoni tal-Kampjonat Premier s’issa, b’sensiela ta’ statistika u kurżitajiet interessanti

Lilhinn minn din ir-rokna popolari mill-passat, ‘Replay Preview’ hu popolari għall-istil tiegħu u fil-mod ta’ kif jiddiskuti u janaliżża l-partiti ta’ tmiem il-ġimgħa qabel ma jintlagħabu. Matul din it-tmiem il-ġimgħa, il-Kampjonat Premier se jkun wieqaf, minħabba li fil-jiem li ġejjin, it-timijiet nazzjonali Maltin, kemm tal-kbar kif ukoll ta’ taħt il-21 sena, se jkunu fl-azzjoni f’partiti internazzjonali. Għalhekk, it-tim tal-produzzjoni ta’ Replay, ħaseb biex fl-ewwel ‘Replay Preview’ ta’ din l-iskeda, jippreżenta diskussjoni informattiva dwar il-Kampjonat Premier s’issa, wara li kull tim lagħab ħames partiti mill-bidu ta’ din il-kompetizzjoni.

Bi presentazzjoni ta’ Christian Micallef u s-sehem ta’ Konrad Sultana, bħala mistieden residenti, f’Replay Preview tal-lum, id-diskussjoni se tkun ikkonċentrata fuq statistika fattwali u dettaljata, kemm mill-aspett kollettiv kif ukoll individwali. Din it-tip ta’ statistika, u bil-mod ta’ kif tkun ippreżentanta fil-programmi Replay, mhux biss tkompli tgħolli l-livell ta’ diskussjoni fil-programmi sportivi fuq it-televiżjoni Maltija, iżda tnissel interess akbar lill-udjenza sportiva.

F’Replay Preview, lejn l-aħħar tal-programm, issir ukoll diskussjoni dwar il-partiti li jkunu skedati għal matul tmiem il-ġimgħa mill-Kampjonati ewlenin fl-Ewropa.

L-ewwel programm ‘Replay Preview’ tistgħu ssegwuħ illejla, fl-9:40pm fuq Net Television.