Is-sitwazzjoni gravi li tinsab fiha l-Qorti ta’ Għawdex hija konferma li l-Gvern Laburista abbanduna għal kollox il-qasam tal-ġustizzja f’Għawdex.
Permezz tal-kelliema tiegħu Chris Said u Karol Aqulina, il-Kelliem għal Għawdex u l-Kelliem għall-Ġustizzja rispettivament il-PN qal li minkejja li lbieraħ bdiet sena forensi ġdida, is-sitwazzjoni fil-Qorti ta’ Għawdex għadha fi stat ta’ abbandun kif ilha matul l-aħħar snin ta’ Gvern Laburista. Il-Gvern Laburista qed jitratta l-qasam tal-ġustizzja f’Għawdex b’mod dilettantesk minn kriżi għal oħra u m’għandu l-ebda pjan fit-tul dwarha.
Is-sitwazzjoni gravi li tinsab fiha l-Qorti ta’ Għawdex hija wkoll ir-riżultat tad-diżinteress tal-Ministru Edward Zammit Lewis u tal-pika u l-inkejja li jeżistu bejn il-Membri Parlamentari Laburisti li f’xi żmien jew ieħor ilkoll servew bħala Ministri għal Għawdex matul l-aħħar 8 snin.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li l-Avukati li jipprattikaw fil-Qorti ta’ Għawdex għandhom raġun dwar l-ilmenti tagħhom u fl-azzjoni li kienu kostretti jieħdu. Dawn l-ilmenti ilhom żmien twil pendenti u dan minkejja li saħansitra saru b’mod formali mill-ġudikanti li jaħdmu fil-Qorti ta’ Għawdex.
Fost oħrajn jirriżulta li fil-Qorti ta’ Għawdex:
1. Hemm nuqqas kbir ta’ staff imħarreġ u ikkwalifikat fosthom għad m’hemmx Assistent Reġistratur;
2. M’hemm l-ebda Marixxalli li jaħdmu fuq bażi full-time f’Għawdex bil-konsegwenza li n-notifika ta’ atti ġudizzjarji mhix qed issir fil-ħin;
3. Il-bini tal-Qorti ta’ Għawdex mhux wieħed aċċessibbli u m’hemmx ħarsien għas-saħħa u s-sigurtà;
4. Dokumenti li jiġu ppreżentati fil-Qorti ta’ Għawdex mhux qegħdin jiġu pproċessati u għalhekk mhux qed jaslu quddiem il-Maġistrati fil-ħin; u
5. Mhu qed isir l-ebda skenjar diġitali ta’ dokumenti u jeżistu diffikultajiet kbar biex dokumenti jkunu jistgħu jiġu rintraċċjati.
Is-sitwazzjoni preżenti fil-Qorti ta’ Għawdex qed twassal għal inġustizzji kbar ma’ kull ikun jeħtieġlu jersaq quddiemha għall-ħarsien tad-drittijiet tiegħu u turi n-nuqqas ta’ rispett mill-Gvern Laburista lejn il-ħaddiema kollha tal-Qorti, il-professjonisti legali u l-ġudikanti li kollha jaqdu rwol essenzjali fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’Għawdex.
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Oppożizzjoni qiegħda tinsisti li tittieħed azzjoni deċiżiva u immedjata biex titranġa s-sitwazzjoni fil-Qorti ta’ Għawdex.
//= $special ?>