Il-Bord illi ingħata l-inkarigu li jevalwa l-proċeduri interni tal-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi talab għal estensjoni fit-terminu tal-ħidma tiegħu b’xahrejn oħra. Fi stqarrija, il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri qal illi laqa’ din it-talba.
Din l-inkjesta kienet inbdiet wara l-aħħar mewt ta’ priġunier fil-ħabs ta’ Kordin, u serje ta’ stejjer xokkanti li kienu qed joħorġu ġimgħa wara l-oħra… bl-aħħar mewta tkun it-13-il waħda fl-aħħar tliet snin… tliet snin ta’ mistoqsijiet mhux imwieġba… tliet snin ta’ kontroversji.
Dan il-Bord tal-inkjesta kien inhatar fid-9 t’Awwissu li għadda wara l-mewt ta’ Colin Galea, priġunier ta’ 30 sena illi tilef hajtu fl-Isptar tmint ijiem wara li pprova jneħħi ruhu b’idejh fiċ-ċella tiegħu.
Il-bord huwa mmexxi mill-psikjatra Anton Grech u fih hemm ukoll George Grech u Janice Formosa Pace, li sa ftit żmien ilu kienet tokkupara kariga fl-istess ħabs.
Dawn it-tliet persuni qed iħarsu lejn il-proċeduri segwiti mill-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi fejn jidħol l-assessjar tas-saħħa mentali u fiżika ta’ priġunieri li jkunu għadhom kemm daħlu fil-ħabs ….u oħrajn li jirritornaw biex jiskontaw sentenza wara perjodu fl-Isptar Monte Karmeli.. kif ukoll se jħarsu lejn il-miżuri għall-prevenzjoni tas-suwiċidju.
Oriġinarjament, l-inkjesta kellha tiġi konkluża fi żmien 60 jum, preċiżament fil-bidu t’Ottubru, iżda issa se tkun estiża.
Din il-faċilita’ mmexxija mill-kurunell Alex Dalli spiċċat fl-aħbarijiet diversi drabi fl-aħħar snin, iżda mistoqsijiet importanti baqgħu dejjem mhux imwieġba… Bil-Ministru Byron Camilleri, li huwa responsabbli mill-ħabs, jibqa’ jgħid li ħafna mill-imwiet f’Kordin huma naturali. Il-Prim Ministru minn naħa tiegħu ilu xhur jiddefendi lill-Kurunell Alex Dalli.. b’Abela jgħid li għandu fiduċja fih.
Minn naħa l-oħra il-Partit Nazzjonalista ilu żmien twil jinsisti li jeħtieġ riforma urġenti fil-ħabs filwaqt li saħaq li trid tinġarr ir-responsabbiltá.