Futbol Sport

Manchester United miżmuma minn Everton, Chelsea momentarjament fl-ewwel post

(Ritratt: EPA)

Manchester United kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 f’Old Trafford f’dak li jista’ jitqies bħala riżultat diżappuntanti għar-Red Devils. Kienu Manchester United li marru fil-vantaġġ żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, permezz ta’ Anthony Martial. Fit-tieni taqsima, Everton wettqu reazzjoni u kien Andros Townsend li b’xutt fil-baxx għamel l-iskor 1-1. Riżultat li bih ntemmet il-partita.

F’partita oħra, fi Stamford Bridge, Chelsea kisbu rebħa ta’ 3-1 fuq Southampton. Kienu Chelsea li marru fil-vantaġġ permezz ta’ Trevor Chalobah. Chelsea ħasbu li rduppjaw fil-41 minuta permezz ta’ Timo Werner iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet mħassra wara li kien sar foul fl-azzjoni li wasslet għall-gowl. Southampton ġabu l-iskor indaqs fil-61 minuta meta Chilwell waqqa’ lil Livramento fil-kaxxa bir-referee jordna penalty. Mill-ħdax-il metru kien James Ward-Prowse li ghamilhom 1-1. Southampton sfaw jilagħbu l-aħħar kwarta bi player anqas meta tkeċċa l-istess Ward-Prowse. Chelsea approfittaw minn dan u sitt minuti mit-tmiem kien Timo Werner li mill-viċin ma żbaljax. It-tim ta’ Thomas Tuchel aċċerta mit-tliet punti fid-90 minuta b’konklużjoni ta’ Ben Chilwell.

Arsenal kienu miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls minn Brighton hekk kif it-tim imexxi minn Graham Potter irnexxielu jkompli fuq il-bidu pożittiv li kellu f’dan l-istaġun. Bi Brighton jkunu l-aktar perikolużi matul l-ewwel taqsima, Arsenal pruvaw iwettqu reazzjoni fit-tieni taqsima iżda kienu mċaħħda numru ta’ drabi mill-goalkeeper ta’ Brighton. Lejn it-tmiem Brighton appellaw għall-penalty, bir-referee jiċħad l-appelli. B’hekk b’dan id-draw issa Brighton irnexxielhom jitligħu b’erbatax-il punt fil-ħames post tal-klassifika filwaqt li Arsenal baqgħu fl-għaxar post b’ għaxar punti.

Leeds United kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun b’rebħa ta’ 1-0 fuq Watford. Il-gowl li ddeċieda l-konfront jasal fit-18-il minuta permezz ta’ Diego Llorente. Jidher li dan qed ikun staġun diffiċli għal Leeds u żgur li dan ir-riżultat se jkun qed jimmotiva lit-tim ta’ Marcelo Bielsa.

Wolves kisbu rebħa importanti meta f’konfront dirett għelbu lil Newcastle 2-1. Hee- Chan Hwang fetaħ l-iskor wara 20 minuta filwaqt li Jeff Hendrick ġab l-iskor indaqs fil-41 minuta. L-istess Chan Hwang reġa poġġa lil Wolves fil-vantaġġ fit-58 minuta biex b’hekk aċċerta minn rebħa għal Wolves.

PREMIER LEAUGE
Illum
: Man Utd v Everton 1-1, Burnley v Norwich 0-0, Chelsea v Southampton 3-1, Leeds v Watford 1-0, Wolves v Newcastle 2-1, Brighton v Arsenal 0-0 Għada: Crystal Palace v Leicester 3.00pm, Tottenham v Aston Villa 3.00pm, West Ham v Brentford 3.00pm, Liverpool v Man City 5.30pm