Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo dalgħodu ħareġ mill-Isptar wara li fl-aħħar jiem il-kundizzjoni tiegħu kompliet taqleb għall-aħjar.
Fil-bidu tax-xahar li għadda huwa ddaħħal l-Isptar wara li ħass uġigħ tal-ġebla. Madankollu ftit sigħat wara l-affarijiet kkumpilaw ruħhom u żviluppatlu septacaemia – infezzjoni kbira fid-demm tant li kellu jiddaħħal fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei.
Robert Arrigo ħareġ mit-Taqsima tal-Kura Intensiva fit-13 ta’ Settembru li għadda wara diversi jiem rikoverat fl-ITU.
F’messaġġ li kien għadda fuq il-media soċjali, Robert Arrigo rringrazzja lill-Maltin u l-Għawdxin kollha tas-sapport kbir li tawh u tat-talb tagħhom.
Aktar kmieni dim il-ġimgħa l-Kap tal-PN Bernard Grech flimkien mas-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino għamlu żjara lil Robert Arrigo l-Isptar Mater Dei fejn awgrawlu fejqan ta’ malajr u saħqu li d-determinazzjoni u l-pożittivita tiegħu kienu kruċjali biex seta’ jirkupra.
Il-familja Arrigo esprimiet ir-ringrazzjament tagħha għall-appoġġ kbir u l-messaġġi ta’ solidarjetà li waslu fl-aħħar jiem.