Lokali

Bernard Grech – sena fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista

Bernard Grech illum jagħlaq sena fit-tmun tat-Tmexxija tal-Partit Nazzjonalista kemm bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Kienu tnax-il xahar li għaddew bħal-leħħa ta’ berqa. Dan grazzi għall-inizjattivi u x-xogħol assidwu li twettqu fihom fejn il-poplu Malti u Għawdxi tpoġġa fiċ-ċentru ta’ kull politika mfassla mill-Partit Nazzjonalista. Bernard Grech, illum meta jħares lura b’sodisfazzjon jgħid li laħaq numru ta’ tragwardi diffiċli u ferm importanti. Fadal aktar ambizzjonijiet xi jkunu realizzati. Iżda l-Partit Nazzjonalista llum hu lest biex jiggverna u jmexxi lil pajjiżna fis-snin li ġejjin.

Bernard Grech illum hu lest biex jidħol fir-rwol ta’ Prim Ministru ġdid ta’ Malta. Hu lest biex joħroġ lil pajjiżna mhux biss mil-lista l-griża, imma mir-reputazzjoni kerha li ttimbra fuq Malta l-Gvern Laburista grazzi għal sensiela ta’ deċiżjonijiet żbaljati li minnhom gawdew il-ftit, iżda bata l-parti l-kbira ħafna tal-poplu kollu. Bernard Grech mhux imċappas ma’ kriminalità u ma politiċi fil-kriminalità. Għalhekk u bla preċedent hu lest biex inaddaf isem pajjiżna mill-korruzzjoni u mill-abbuż ta’ poter. Dan jista’ jagħmlu b’wiċċu minn quddiem għaliex qatt ma nxtara.

Ir-raġel, integru u serju, jagħti tama ġdida lil pajjiżna. Ir-raġel, missier ta’ familja, jaf xi trid il-familja Maltija u Għawdxija. Trid biss is-serħan tal-moħħ. Li tgħix bil-ħidma u l-għaraq ta’ ġbinha. U, fuq kollox, li tirritorna tgħix f’pajjiż normali mhux immexxi mill-kriminiali jew minn min jipproteġi lill-kriminali.Bernard Grech, mill-kamp legali bħala Avukat, jiggarantixxi li l-istituzzjonijiet kollha jerġgħu jiksbu l-istima li tixirqilhom u jibdew jaħdmu bla ndħil jew ġbid ta’ spagi.L-istedina ta’ Bernard Grech lill-poplu kollu ta’ rieda tajba hi biex jingħaqad f’din il-mixja u jkun parti mill-bidla. Kull persuna tagħmel id-differenza.

Bernard Grech, mistoqsi kif iħares lejn dawn it-tnax-il xahar li għaddew u li fihom hu kien qiegħed jokkupa l-kariga ta’ Kap tal-PN u Kap tal-Oppożizzjoni, qal li jemmen li llum għandu esperjenza akbar tal-politika u qed jifhem aħjar mhux biss kif jaħdem il-PN, imma wkoll il-ħiliet differenti ta’ ħafna min-nies fil-Partit.

Din kienet sena ta’ ħidma kontinwa. Ħidma li ma qatgħet xejn. Ħafna laqgħat ma’ persuni, kemm fi ħdan il-familja tal-PN kif ukoll ma’ persuni mill-kamp tal-Partit Laburista li għal xi raġuni ddeċidew li ma jivvutawx lill-Partit Laburista. Saret ħafna ħidma wkoll fis-skiet u mingħajr daqq ta’ trombi.

“Illum ninsab sodisfatt li b’xi mod jew ieħor irnexxielna, minkejja li trid taħdem fuq diversi livelli, inwettqu diversi wegħdiet li jien kont wegħedt li nagħmel. Fost l-oħrajn kont wegħedt li nsaħħaħ lill-PN u llum din il-wiegħda jidher li twettqet għaliex il-PN hu msaħħaħ ħafna aktar minn kif writtu sena ilu.

“Naturalment fadlilna ħafna aktar x’nagħmlu, iżda jien determinat li nkompli din il-mixja b’passi żgħar iżda effettivi ma’ kull jum li jgħaddi biex il-Partit Nazzjonalista jkun tassew il-gvern alternattiv li jixraq lill-poplu Malti u Għawdxi.”

Viċin l-elettorat

Mistoqsi dwar il-ħidma mwettqa biex il-PN tressaq aktar lejn l-elettorat, Bernard Grech fisser li iva matul it-tnax-il xahar li għaddew sar ħafna xogħol biex il-PN ikun aktar viċin tan-nies. Dan sar b’ħafna żjajjar fid-djar tan-nies, fil-postijiet soċjali fejn jiffrekwentaw in-nies, fil-postijiet tax-xogħol, waqt festi u attivitajiet soċjali oħra… ħidma kontinwa u ħidma importanti ħafna.

“Jien qed nagħmilha ċara bil-politika, li dan il-Partit irid ikompli jadotta li l-politika trid tkun ibbażata fuq dak li tgħaddi minnu kull persuna fil-ħajja tagħha. Din hi politika li tmiss il-ħajja ta’ kull individwu. Meta wieħed jitlaq minn dan il-punt ta’ prinċipju, ċioè li l-persuna hi fiċ-ċentru tal-politika u li dak kollu li jitwettaq, jitwettaq għall-ġid tan-nies, allura kollox ikun ibbażat dwar il-persuna fiċ-ċentru tal-politika.”

Messaġġi pożittivi

Mistoqsi dwar ħidma b’pożittività u b’ton pożittiv, Bernard Grech qal li hu di natura ma tantx jirrabja jew ikun negattiv fit-twassil tal-messaġġ tiegħu. “Iżda, bħal kulħadd, nirrabja u nirrabja b’modi differenti u mhux bilfors li nkun viżibbilment nidher li jien irrabjat. Imma jkolli ngħid li jirrabjawni ħafna affarijiet żgħar… l-aktar li jirrabjawni huma n-nuqqasijiet ta’ konsistenza fin-nies u wkoll in-nies li jkunu faċċoli.

“Mill-bqija jien bniedem li nifhem li kulħadd hu imperfett, bħali, u għalhekk ma nippretendix li kulħadd se jimxi b’mod perfett. Nemmen li n-nuqqasijiet ta’ kulħadd joħorġu f’ċirkostanzi u f’mumenti differenti u allura jien nitlaq mill-prinċipju li nifhem u naċċetta ċertu mġiba.”

Hu qal li jifhem kif f’xi mumenti dak li jkun forsi ma jkunx qed jagħti l-mija fil-mija tiegħu. Forsi minħabba raġunijiet personali. Forsi għaliex ikollu xi imma li ma tħallihx jara l-affarijiet b’mod ċar. Dak li jkun jista’ jkollu wkoll diffikultajiet familjari li allura jeffettwaw il-ħidma ta’ dak li jkun.

Naturalment wieħed ma jaċċettax li madwaru jkollu nies faċċoli għaliex li persuna tkun faċċola mhix minħabba ċ-ċirkustanzi, iżda għaliex tagħżel li tagħmel ċerti affarijiet bi ħsieb. “Jien ma naċċettax persuni faċċoli madwari. Naċċetta persuna b’diffikultajiet ta’ mard u bi problemi oħrajn, iżda li xi ħadd iġib ruħu b’ċertu mod apposta… hekk le.”

Id-diverġenzi fil-ħsibijiet isaħħu lill-PN

Hawnhekk tkellimna dwar il-kwistjoni tal-firda interna fil-Partit Nazzjonalista u Bernard Grech qal li llum kulħadd jaqbel li din il-kwistjoni naqset ħafna kemm fuq livell viżibbli u anki fuq livell minn taħt. Wieħed japprezza li llum m’għadx hemm diffikultajiet marbuta mal-firda.

“Iżda tajjeb li wieħed japprezza wkoll dwar xi jkun qed jifhem meta jitkellem dwar il-firda. Jien naċċetta opinjonijiet diversi internament. Għaliex le? Li jkun hemm ħsibijiet u argumenti varji hu tajjeb u juru li dak il-partit hu partit demokratiku. Jien ma rridx partit li hu mmexxi b’tirannija. Jien irrid partit miftuħ li jiddiskuti u jiddjaloga. Tajjeb li nitkellmu u niddiskutu, u mmeru u nargumentaw għaliex hekk toħroġ l-aħjar u l-aqwa politika. Imma nippretendi li finalment dak kollu li għandu jingħad, jingħad fid-diskussjonijiet interni li jsiru kontinwament fi ħdan l-istrutturi tal-Partit fejn kulħadd ikollu l-opportunità li jitkellem u kulħadd ikollu l-opportunità li jiltaqa’ miegħi għaliex jien nagħti l-ħin lil kulħadd tant li ġieli nkun jien stess li ninduna li xi ħadd ikollu l-bżonn li jitkellem u jesprimi ċerti ħsibijiet li jkollu mistura ġewwa fih.”

Lealtà lejn il-PN

Mistoqsi dwar l-importanza tal-lealtà, Bernard Grech qal li hu ma jemminx fil-lealtà assoluta lejn il-Kap tal-Partit, iżda jemmen fil-lealtà assoluta lejn il-Partit. Nemmen ukoll fil-lealtà lejn il-poplu hemm barra. Nemmen ukoll fil-lealtà li għandhom dawk kollha li huma leali lejn il-PN u jissapportaw lill-Partit u jagħmlu s-sagrifiċċji biex il-PN jissokta jimxi ’l quddiem.

“Meta jkun hemm min joħroġ hemm barra affarijiet li m’għandux joħroġ għaliex qed nitkellmu dwar affarijiet interni, allura dak li jkun, ikun qiegħed jonqos lin-nies li jimmilitaw u li jappoġġjaw lill-PN.”

Naħdmu u nibnu flimkien

Mistoqsi dwar il-messaġġ ripetut tiegħu biex naħdmu flimkien u nibnu flimkien, Bernard Grech qal li hu jitlaq mill-prinċipju li mhux kulħadd jaf kollox; li m’hemmx assolutiżmu partikularment fin-nies. “Nemmen li kollox hu relattiv u kulħadd jista’ jkollu biċċa mill-jigsaw puzzle. Allura meta nitlaq minn dawn il-punti ta’ prinċipju, inkun qed nibni Partit li għandu bżonn lil kulħadd. Għandu bżonn lil kulħadd biex jibni l-politika tiegħu; għandu bżonn lil kulħadd biex ikun partit b’saħħtu.

“Jien napprezza u nirrikonoxxi li kulħadd għandu x’jikkontribwixxi. Għalhekk hu importanti ħafna li nibqgħu niltaqgħu man-nies u li nkunu viċin in-nies. L-importanza li nisimgħu lin-nies u li niddiskutu. U hawn tidħol l-importanza wkoll tal-clusters li ffurmajna fejn id-deputati tagħna qed jagħmlu biċċa xogħol tajba ħafna biex flimkien mal-esperti u man-nies milquta mill-istess suġġetti, ikunu jistgħu jikkontribwixxu l-istampa ċara tal-politika tagħna u li ’l quddiem irridu nwasslu u nattwaw fil-pajjiż.”

Tkellimna dwar il-bosta uċuħ ġodda introdotti fil-PN matul it-tnax-il xahar li għaddew u Bernard Grech qal li din kienet wiegħda oħra tiegħu… ċioè li jintroduċi elementi u uċuħ ġodda fil-Partit għaliex il-Partit għandu bżonn ta’ taħlita ta’ nies ta’ esperjenza u ta’ oħrajn ġodda li magħhom iġibu ħsibijiet ġodda u ideat ġodda li permezz tagħhom il-PN ikun qiegħed jiġġedded.

“Jien nemmen li fil-Partit Nazzjonalista hemm għadd ġmielu ta’ nies b’esperjenza kbira fil-Partit u fadlilhoma qatigħ x’jikkontribwixxu. Jien ma nemminx li hemm xi ħadd għar-rimi. Jien kburi b’kull persuna li mmilitat jew li qed timmilita fil-PN. Nemmen li kulħadd jista’ jibqa’ jagħti sehem fil-PN hi x’inhi l-età tiegħu.

“Din mhix xi kwistjoni ta’ età. Din hi kwistjoni li fil-PN kien hemm bżonn ta’ arja friska permezz ta’ uċuħ ġodda; permezz ta’ ideat u viżjonijiet ġodda. Nemmen li hu għaqli u tajjeb ukoll li l-ideat il-ġodda jitħalltu mal-ideat diġà stabbiliti fi ħdan il-Partit. Dan kollu jwassal biex il-viżjoni politika tagħna tkompli tiġġedded u tkun tirrifletti l-bżonn tal-lum u dawk futuri quddiemna.”

Clusters ta’ kontribut kbir

Dwar it-twaqqif tal-clusters, Bernard Grech qal li dawn twaqqfu madwar sena u nofs ilu iżda meta hu sar Kap tal-PN ħaseb li jagħti imbottatura kbira lil dawn il-clusters biex ix-xogħol tagħhom ikun tassew effettiv.

Ridt li Claudio Grech ikompli jmexxi dawn il-clusters, iżda wkoll li jiffoka wkoll fuq it-tfassil tal-Programm Elettorali u tal-Manifest Elettorali. Ridt li l-magna tal-clusters tkun qed taħdem b’mod li tassew tkun il-magna tal-ideat u hekk kull ġimgħa l-PN ikollu għadd ta’ ideat ġodda li jkunu varati bħala proposti f’suġġetti varji.

Tajjeb li jingħad li f’dawn il-clusters qed jipparteċipaw għadd ġmielu ta’ persuni li qed jaħdmu qatigħ. Fi ftit kliem, il-cluster jispiċċa bi spettru wiesa’ ta’ ideat u ħsibijiet li minnhom wara jrid ifassal il-politika u s-suġġerimenti tiegħu dwar kif dak il-qasam partikulari jista’ jkompli jiżviluppa fil-futur.

Aktar ambizzjonijiet

Bernard Grech qal li f’dawn it-tnax-il xahar sar volum sabiħ ta’ xogħol u ttieħdu għadd ġmielu ta’ inizjattivi. “Nemmen li dawn ix-xhur għandhom iservu wkoll bħala xhur ta’ riflessjoni dwar il-ħidma li saret li fil-verità wasslu għal għadd ta’ riżultati.

“Fadlilna ħafna x’nagħmlu. Jien għandi ambizzjonijiet oħrajn li għad irrid nilħaq u li bil-mod il-mod irrid li nilħaq fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

“Madankollu issa wasalna fil-mument fejn il-PN ikompli jħejji lilu nnifsu għall-elezzjoni ġenerali ħalli mhux nipparteċipaw biex naraw kif se mmorru, iżda rrid li nkunu ppreparati biex niggvernaw jekk il-poplu jagħtina l-fiduċja tiegħu.”

Bernard Grech qal li din il-ħidma kollha li twettqet saret fi żminijiet mhux normali minħabba li pajjiżna kien għaddej mill-pandemija li ġabet magħha għadd ta’ restrizzjonijiet li ħadd ma jista’ jinjora.

“Jien nemmen ukoll fil-prinċipju li kemm-il darba tagħmel ix-xita, din tagħmel għal kulħadd. Li hu fiż-żgur hu li jien sirt Kap tal-Partit f’mumenti meta l-PN kien għaddej minn diffikultajiet serji, iżda llum l-affarijiet issaħħu u tjieb ħafna tant li magħna qed jirnexxielna nattiraw persuni li qabel ma kenux fuq in-naħa tal-PN, li min-naħa tiegħu jrid li jissokta jissaħħaħ biex pajjiżna tassew ikollu l-gvern li jixraqlu; gvern serju mmexxi mill-PN li jwassal biex pajjiżna jinħareġ mil-lista l-griża għaliex il-poplu Malti u Għawdxi ma jixraqlux li jkun f’din iz-zona xejn sabiħa.

Sfidi kontinwi

Mistoqsi f’liema stadju waslu l-preparamenti tal-PN invista tal-elezzjoni ġenerali, Bernard Grech qal li parti importanti bi tħejjija għall-elezzjoni hi t-tħejjija tal-politika, tal-proposti u l-wegħdiet ċari li tkun qed tressaq fil-kampanja elettorali. Fuq dawn il-binjarji l-PN miexi tajjeb ħafna.

“Sadattant il-PN qed jiffinalizza d-Distretti Elettorali biex jassigura li fuq kull Distrett ikollu kandidatura b’saħħitha. Il-lista tal-kandidati sa issa għadha mhix finalizzata mija fil-mija. Hemm kandidati oħrajn li nixtieq li jkunu bħala parti mit-tim tal-kandidati f’isem il-PN għall-elezzjoni li jmiss. F’dan ir-rigward nistenna żviluppi ġodda u importanti fil-ġimgħat li ġejjin.

“Barra minn hekk il-PN qed jaħdem fuq pjan ta’ ħidma biex kemm-il darba l-poplu jafda lill-PN bit-tmexxija tal-pajjiż, allura nkunu nistgħu niggvernaw b’mod ippreparat.”

Il-messaġġ qed jissaħħaħ

Mistoqsi dwar il-messaġġ u l-mod kif dan qed jitwassal għand il-poplu fid-djar tiegħu, Bernard Grech qal li għadu mhux sodisfatt biżżejjed. Il-messaġġ tal-PN qiegħed jissaħħaħ, iżda l-Partit għad irid isaħħaħ il-mod kif iwassal il-messaġġi tiegħu. Fiċ-ċert hu li f’dan ir-rigward il-Partit għad għandu ħafna limitazzjonijiet, fosthom fir-rigward tal-finanzi. Biex twassal il-messaġġ tiegħu b’mod effettiv trid tinvesti ħafna flus. Il-media soċjali mhix irħisa. Biex twassal il-messaġġ fuq il-billboards trid tonfoq ħafna flus.

Sadattant il-PN qiegħed jikkompeti ma’ Gvern li m’għandu l-ebda diffikultà biex iwassal il-messaġġi tiegħu għaliex għalih hemm bir bla qiegħ fir-rigward tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiż. Il-Gvern, mill-fondi pubbliċi, ma jieqaf qatt jirreklama l-messaġġi tiegħu u dan biex jipproġetta lilu nnifsu bħala xi gvern frisk u b’saħħtu.

Tajjeb li bħala eżempju nieħu dak li għamel il-Gvern f’dawn il-jiem meta laqgħa tal-Kabinett għamilha f’padiljun tal-isport li se tkun ġiet tiswa għexieren ta’ eluf ta’ ewro. Dan il-kapriċċ tal-Gvern wera bl-aktar mod ċar kif il-flus qed jintefqu bl-addoċċ iżda fl-istess waqt dak l-infiq qed jagħti vantaġġ kbir lill-PL.

Xandir Pubbliku maħtuf

Tkellimna dwar l-istat tax-Xandir Pubbliku li spiċċa maħtuf minn Kastilja. Bernard Grech qal li fir-rigward tax-Xandir tal-Istat hawn problema serja ħafna għaliex f’soċjetà demokratika hu inaċċettabbli li l-Gvern tal-ġurnata jaħtaf ix-Xandir Pubbliku biex iwassal il-messaġġi tiegħu, filwaqt li joħnoq il-messaġġi tal-oħrajn.

Dwar dak li qed jiġri fil-Public Broadcasting Services (PBS), il-PN nieda kampanja qawwija biex turi l-iżbilanċ sfaċċat li bih qed jitwasslu l-aħbarijiet lin-nies fid-djar tagħhom.

In-nies illum qed tifhem dejjem aktar kif ix-Xandir tal-Istat hu maħtuf minn Robert Abela u minn Kastilja. Robert Abela jidher bl-aktar mod ċar li mhux komdu bil-mod li bih irid iwassal il-messaġġ tiegħu l-PN.

Wieħed jistaqsi għaliex Robert Abela, li jgħid li hu konvint li għandu 35,000/40,000 vot vantaġġ fuq il-PN, qiegħed jibża’ daqstant mill-PN tant li qed jagħmel minn kollox biex jostakola lill-istess PN milli jwassal il-messaġġ politiku tiegħu.

“Biex nispjega kemm hi tassew gravi s-sitwazzjoni fil-PBS, tajjeb li nfiehem li f’Settembru biss kien hemm 190 intervista bil-vuċi ta’ xi esponent tal-Gvern jew tal-Partit Laburista filwaqt li fl-istess perjodu l-PN ma kellu l-ebda waħda minn dawn it-tip ta’ intervisti.

“Dan kollu juri li hu fil-veru sens inaċċettabbli dak li qed jagħmel il-Gven Laburista u l-PN se jissokta bil-ħidma tiegħu biex dan l-abbuż serju jieqaf minnufih għaliex hu insult għan-nies fid-djar tagħhom li flok ma jitwasslulhom aħbarijiet bilanċjati u fattwali, jitwasslu biss il-messaġġi li jrid iwassal fid-djar il-Gvern jew il-PL.”

Dritt taċ-ċittadin

Mistoqsi x’soluzzjoni konkreta jara għall-PBS, Bernard Grech qal li kulħadd irid tassew jifhem li dan il-pajjiż għandu jinfatam b’mod serju minn din l-insigurtà kbira li kull gvern ikollu, fis-sens li l-aħbar trid tkun manipulata. “Iżda biex inkunu onesti rridu nammettu li jekk l-aħbar kienet manipulata fi żmien Joseph Muscat, issa wasalna f’livelli bla preċedent fejn l-aħbar qed tkun kontrollata wisq u wisq aktar.

Dan l-abbuż għandu jitwaqqaf minnufih mhux għaliex hu dritt tal-partit politiċi li jsemmgħu leħinhom fuq l-Istazzjon Nazzjonali, imma għaliex hu dritt taċ-ċittadin li jirċievi aħbarijiet bilanċjati. Għaliex finalment l-aħbar titwassal mill-fondi pubbliċi u għalhekk l-aħbar għandha titwassal b’mod korrett u kollha.

Finalment għandu jkun iċ-ċittadin ġewwa d-dar tiegħu, fis-skiet, li jiddeċiedi hu x’jemmen u x’ma jemminx tramite l-analiżi li jagħmel waħdu. Il-fatt li l-Gvern Laburista qiegħed jikkontrolla l-PBS ifisser biss li ma jemminx fl-intelliġenza tan-nies u għalhekk il-Gvern irid jikkontrolla l-mod kif jaħsbu u jirraġunaw in-nies.

Jeħtieġ li kulħadd ikun matur u onest u l-partijiet għandhom jiftehmu dwar Awtorità tax-Xandir li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-għodda kollha li għandha bżonn u li biha tkun tista’ tiffunzjona b’mod effiċjenti.

Hu imperattiv li l-Awtorità tax-Xandir ikollha l-fondi li għandha bżonn taħdem kif mistenni. Ma jagħmel assolutament sens xejn li l-Awtorità tax-Xandir anqas riżorsi umani biżżejjed m’għandha.

Wasal iż-żmien li x-Xandir Pubbliku ma jibqax taħt ir-responsabbiltà ta’ xi Ministru iżda jaqa’ taħt xi entità għaliha. Jekk il-PBS mhux se jinqata’ mir-responsabbiltà tal-politiċi, allura din il-problema serja se tissokta bir-riżultat li pajjiżna, fuq diversi aspetti, se jibqa’ lura.

Gvern = PL

Meta tkellimna dwar il-fatt li għandha Gvern Laburista li ma jagħmilx differenza bejn gvern u partit, Bernard Grech fisser li din hi xi ħaġa oħra tipika tal-Labour. Il-Labour qatt m’għamel distinzjoni bejn gvern u partit. Bejn ir-rwol tal-gvern u r-rwol tal-partit u għalhekk dejjem ħallat kollox f’keffa waħda.

Hemm bżonn li biex dan il-pajjiż ikun tassew pajjiż modern kif jitolbu ż-żminijiet tal-lum, allura jridu jsiru dawn id-distinzjonijiet bl-aktar mod ċar.

Mixja favur il-bidla

Mistoqsi dwar l-istedina tiegħu fid-diskors tal-Indipendenza biex aktar jingħaqdu f’din il-mixja favur il-bidla mistħoqqa u li tixraq lil Malta, Bernard Grech qal li l-PN jifhem li għandu bżonn lil kulħadd biex jiggverna. Il-PN m’għandux is-soluzzjonijiet kollha u jemmen ukoll li kulħadd ta’ rieda tajba jista’ jkun parti mill-bidla.

Il-bidla li għandu bżonn pajjiżna ma jistax iġibha l-Kap Nazzjonalista waħdu, jew xi deputat waħdu… imma permezz ta’ mixja kollettiva li fiha jingħaqdu dawk kollha li ġenwinament jemmnu li pajjiżna jixraqlu ferm u ferm aħjar.

Fil-verità din il-mixja qed tinħass li qed issir għaliex qed jingħaqdu aktar nies u aktar faxex ta’ nies mis-soċjetà li tilfu kull fiduċja f’Robert Abela u l-Gvern tiegħu u fehmu li huma wkoll jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni biex pajjiżna jkollu l-gvern li jixraqlu u hekk pajjiżna jinħareġ minn dan l-isqaq li tpoġġa fiha.

Il-PN akbar minn kulħadd

Mistoqsi dwar il-fatt li hemm min qed jassoċja lilu nnifsu mal-PN iżda bl-aġenda tiegħu qed ikun ta’ ħsara għall-istess PN, Bernard Grech qal li jista’ jkun li dan il-każ għaliex fil-verità jkun hemm ħafna dettalji ta’ ċirkustanzi li mhux dejjem ikunu pubbliċi u għall-għarfien tal-poplu.

“Nemmen li kemm-il darba dan hu l-każ, min qiegħed f’din is-sitwazzjoni mhux konxju li qed ikun ta’ ħsara għall-PN. “Hemm min, iżda, li iva qed jagħmel il-ħsara u li fil-verità ma jinteressahx li qed jagħmel il-ħsara.

“Min-naħa tiegħi jien nista’ nwiegħed li mhux se nkun qed nittollera aktar imġiba bħal din. Jekk verament inħobbu lil pajjiżna ma nistgħux naċċettaw lil min jagħti l-gambetti lill-PN biex hekk ikun imxekkel mill-ħidma li qed iwettaq.

“Hu importanti li kulħadd japprezza u jifhem li finalment il-PN hu akbar minn kulħadd; akbar minn kull aġenda li jista’ jkollu dak, dik u l-ieħor li jkunu qed jimmilitaw b’aġendi mhux ċari.”

Elezzjoni ġenerali

Mistoqsi x’inhuma l-isfidi li għandu l-PN issa lejliet l-elezzjoni ġenerali, Bernard Grech wieġeb li l-ewwel sfida hi dik li bir-riżorsi limitati li għandu l-Partit irid jissokta jaħdem qatigħ biex jilħaq lil kulħadd f’kull rokna ta’ pajjiżna.

It-tieni sfida hi dik li kulħadd jifhem li kulħadd għandu postu f’din il-mixja u jista’ jagħti l-każ li fil-logħba mhux kulħadd jilgħab flimkien. “Jien irrid nibni tim li viżibbilment ikun qed jidher biċ-ċar li dan hu t-tim li l-elettorat irid jafda biex imexxi lil pajjiżna.”

Sfidi attwali

Hawnhekk ittrattajna b’mod telegrafiku diversi temi, fosthom:

• L-ekonomija: Bernard Grech qal li għall-PN din hi l-għodda kif il-Partit jista’ jgħin lin-nies biex timxi ’l quddiem;

• Iż-żgħażagħ: Bernard Grech qal li dawn huma l-preżent ta’ dan il-Partit u l-pajjiż. Il-PN hu kburi li għandu l-istrutturi tiegħu mimlija b’element żagħżugħ;

• Il-faqar: Bernard Grech qal li dan jinkwetah tassew, partikularment dak il-faqar li jista’ jkun evitat. Ma jistax ikollok pajjiż fejn għandek numru ta’ nies li għandhom wisq u mbagħad fl-istess ħin għandek wisq nies li huma abbandunati għaliex għandna Gvern Laburista li tilef ir-ruħ soċjali tiegħu;

• L-inċertezza fost il-ħaddiema: Bernard Grech qal li din hi xi ħaġa li tinkwetah ħafna, l-aktar dawk il-ħaddiema li qed jaħdmu ħafna iżda finalment mhumiex jaqilgħu biżżejjed biex jgħixu ħajja ta’ dinjità. Għandna ħafna ħaddiema fil-prekarjat u għandna ħafna persuni li mhumiex fil-pożizzjoni li jistgħu jixtru l-propjetà tagħhom.

• L-għoli tal-ħajja: Bernard Grech qal li din qed tolqot lil kulħadd. Kemm lil min għandu dħul limitat, imma anki lil min għandu ċertu dħul. L-għoli tal-ħajja qed jolqot lil kulħadd fil-laħam il-ħaj;

• Il-pensjonanti: Bernard Grech qal li hu jsewwed qalbu tassew b’anzjani li ma jistgħux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, partikularment meta jkollhom bżonn tal-mediċini. Fuq kollox għandna nagħmlu minn kollox biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fiċ-ċentru tal-irħula u l-ibliet li għexu fihom.

Aktar proposti

Mistoqsi x’għandu ippjanat b’mod immedjat u dwar ċerti ambizzjonijiet li jixtieq li jilħaq, Bernard Grech qal li fil-ġranet li ġejjin il-PN se jkun qed iwassal aktar proposti lin-nies. Irrid li b’dawn il-proposti l-PN ikun laqat ħafna lati u setturi tas-soċjetà Maltija.

B’dawn il-proposti l-PN irid li jagħti dimensjoni u aktar dinjità lil kull persuna għaliex fiċ-ċentru tal-politika Nazzjonalista hemm il-bniedem fit-totalità tiegħu.

Il-PN fil-messaġġ tiegħu se jibqa’ jagħfas kemm jiflaħ fuq l-importanza tal-kwalità tal-ħajja għaliex tassew jifhem li l-bniedem għandu bżonn mhux biss il-flus, imma ħajja deċenti biex mhux ikun qed jeżisti, imma jgħix tassew.

Hu għalhekk li l-PN fil-ġimgħat li għaddew nieda l-istedina ‘Kun Parti mill-Bidla’ għaliex kull persuna trid f’pajjiżna trid tifhem li għandha r-responsabbiltà li tħalli aħjar lil dan il-pajjiż għall-ġenerazzjonijiet futuri. Din mhix għażla li għandna quddiemna, imma responsabbiltà li rridu nonoraw biex pajjiżna tassew jimxi ’l quddiem. Hu għalhekk li l-PN nieda din l-istedina biex aktar u aktar nies ta’ rieda tajba jingħaqdu f’din il-mixja li għandha twassal għal pajjiż immexi minn gvern serju li jimxi skont il-veru ġid li jixraqlu l-poplu Malti u Għawdxi.

Din il-ħidma l-PN se jkun qed iwettaqha wkoll fuq livell Parlamentari hekk kif għada jerġa’ jiftaħ il-Parlament wara l-vaganzi tas-sajf. Anki fuq livell Parlamentari, il-PN se jkun qed jissokta bil-ħidma assidwa tiegħu. Se nissoktaw nagħmlu aktar mistoqsijiet biex nassiguraw li l-infiq tal-fondi pubbliċi jsir b’responsabbiltà u mhux bl-addoċċ.

Bidla għal tama ġdida

Mistoqsi x’inhu l-appell tiegħu għall-elettorat Malti u Għawdxi kollu, Bernard Grech qal li l-appell tiegħu hu wieħed biex kulħadd jifhem dan il-mument partikulari li għaddej minnu pajjiżna bħalissa. Din mhix kwistjoni ta’ Nazzjonalisti jew Laburisti, iżda hi kwistjoni li tolqot lil kulħadd.

“Jekk tassew irridu li jkollna gvern serju, allura għall-bidla hemm bżonn is-sehem ta’ kulħadd. Jekk tassew irridu li noħorġu mil-lista l-griża, allura biex din issir hemm bżonn is-sehem ta’ kulħadd.

“Jien għandi fiduċja fil-poplu Malti u Għawdxi u nemmen li l-Maltin u l-Għawdxin iridu l-aqwa u l-aħjar għal pajjiżna. Il-bidla hi meħtieġa biex hekk dan il-Gvern ta’ Robert Abela jitwarrab għaliex ma kienx għall-altezza u minflok jitpoġġa gvern ieħor magħmul mill-PN li jkun jagħti tama ġdida lil pajjiż.

“Jien b’wiċċi minn quddiem lest li nidħol għar-responsabbiltajiet kollha li ġġorr magħha l-kariga ta’ Prim Ministru tal-pajjiż għaliex naf x’irrid għal pajjiżi u għall-poplu Malti u Għawdxi kollu li jixirqilhom l-aqwa u l-aħjar biss.

“Fuq kollox jien ingawdi l-kredibbiltà mistennija għaliex m’għandi l-ebda rabta mal-ebda kriminal jew mal-ebda politiku li hu marbut mal-kriminalità.

“Għalhekk se mmur b’wiċċi minn quddiem, quddiem l-elettorat Malti u Għawdxi biex darba ssir l-għażla favur il-PN, inkun nista’ mmur quddiem il-mexxejja Ewropej u ngħidilhom li dan il-poplu għażel il-messaġġ ċar tal-Partit Nazzjonalista favur it-tibdiliet kollha li hemm bżonn f’pajjiżna.

“Ngħidilhom li l-poplu Malti u Għawdxi ma riedx jibqa’ mċappas mal-kriminalità kif niżżel f’dan il-livell lil Malta l-Gvern Laburista. Ngħidilhom li Malta hi gżira fejn in-nies jgħixu bl-aktar mod seren u jgħixu bl-għaraq ta’ ġbinhom u bil-ħidma tagħhom u dak li jixtiequ hu biss li jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar.”