Eluf ta’ nies ħarġu fit-toroq tal-ibliet madwar il-Brażil biex jipprotestaw kontra l-President Brażiljan Jair Bolsonaro (ritratt) u fost l-insistenza li hu jitwarrab mit-tmexxija tal-pajjiż.Il-protesti kienu organizzati mill-partiti fl-Oppożizzjoni u t-trade unions u kienu qed isiru eżattament sena qabel l-elezzjonijiet fil-Brażil.
Jair Bolsonaro, bħalissa, sejjer ħażin fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika meta ħafna Brażiljani huma ‘urtati u mweġġgħin’ għall-mod kif il-President ikkonfronta l-pandemija tal-Covid-19 u l-effetti tagħha għal pajjiżu. Dan ukoll meta ‘il fuq minn 600,000 Brażiljani tilfu ħajjithom f’din il-pandemija.
Id-dimostrazzjonijiet ta’ tmiem il-ġimgħa saru f’aktar minn 160 belt tal-Brażil u spikkaw is-slogans b’messaġġi ‘biex il-Brażil taqleb il-paġna u tibda era ġdida wara Bolsonaro’ Kelliema għall-attivisti qalu li Bolsonaro, bħala President, ‘ ippermetta l-firxa tal-ġuh, il-faqar u l-korruzzjoni f’pajjiżu’ waqt li għamluha ċara li huma qed jipprotestaw biex ‘jiddefendu d-demokrazija’.
Tressqu ‘il fuq minn mitt talba lill-Kamra tad-Deputati tal-Brażil biex Bolsonaro ikun suġġett għal proċess ta’ impeachment – iżda t-talbiet s’issa waqgħu fuq il-widnejn torox.
Madankollu, il-Qorti Suprema tal-Brażil, riċentement, approvat numru ta’ investigazzjonijiet dwar il-President Bolsonaro – li, issa, qed iħeġġeġ lill-partitarji tiegħu biex jorganizzaw aktar attivitajiet ‘bl-appoġġ tal-President’.
//= $special ?>