Liverpool u ċ-Champions Ingliżi Manchester City lagħbu forsi l-isbaħ logħba s’issa tal-istaġun u fejn kellhom jikkuntentaw b’punt kull wieħed minn dan il-konfront kumbattut li ntlagħab tard wara nofsinar f’Anfield Road. Iż-żewġ tims kienu jeħtieġu rebħa biex jitilgħu waħedhom fil-quċċata tal-ogħla kampjonat Ingliż iżda r-riżultat jista’ jitqies bħala ġust meta Liverpool, issa, jinsabu bi żvantaġġ ta’ punt mal-liders, Chelsea, waqt li Man City jinsabu t-tielet, b’differenza ta’ gowls aħjar minn United, ir-rivali ta’ Manchester, li jinsabu fir-raba’ post bl-istess punteġġ (14). Is-Citizens iddominaw l-ewwel taqsima iżda ma setgħux isibu l-gowl importanti, b’Phil Foden jisforza save tajjeb mingħand il-gowlkiper Alisson u b’Kevin De Bruyne ifalli okkażjoni faċli bir-ras. Ir-Reds tjiebu wara l-mistrieħ, b’Sadio MANE (59 ) jiftaħ l-iskor wara x-xogħol siewi ta’ Mo Salah. Dan il-gowl iżda ta enerġija ġdida lil City, bl-iskor isir 1-1 minn Phil FODEN (69) , li sab ir-rokna tax-xibka għal gowl stupend.
Imbagħad wasal il-mument inkredibbli ta’ Mo SALAH (76) li qabeż numru ta’ plejers ta’ City qabel reġa’ għeleb lil Ederson għal gowl ieħor memorabbli li ħalla lill-partitarji ta’ Liverpool fuq saqajhom. Madankollu, kien fadal ħin għal reazzjoni minn Manchester City li meritatament salvaw punt mil-logħba grazzi għal Kevin de BRUYNE (81)li xxuttja minn barra l-kaxxa u bil-ballun jixxellef ma’ difensur qabel spiċċa fix-xibka ta’ Alisson.
Crystal Palace irkupraw żvantaġġ doppju ma’ Leicester City f’logħba oħra kumbattuta f’Selhurst Park li spiċċat fi dro ta’ 2-2. Il-Foxes ta’ Brendan Rodgers fetħu l-iskor kontra x-xejra tal-logħob meta Kelechi IHEANACHO (31) approfitta mill-iżball ta’ Andersen biex jegħleb faċilment lill-gowlkiper Guaita. Sitt minuti wara Leicester idruppjaw meta s-solitu Jamie VARDY mill-ġdid sab ix-xibka fuq l-assist ta’ Harvey Barnes. Il-logħba, iżda, daret fit-tieni taqsima meta s-sostitut tal-Eagles Michael OLISE (61) naqqas id-distakk b’volley perfett u għaxar minuti wara, Jeffrey SCHLUPP (eks Leicester), li wkoll daħal jilgħab bħala sostitut, kiseb parità, b’daqqa ta’ ras li ma tat l-ebda ċans lill-gowlkiper Kasper Schmeichel għat-2-2 finali.
Tottenham Hotspur irkupraw mill-umiljazzjoni fid-derby ma’ Arsenal b’rebħa, 2-1, ma’ Aston Villa f’The New White Hart Lane. Qabel din il-logħba Spurs kienu tilfu tliet konfronti konsekuttivi fil-kampjonat iżda ħadu l-kuraġġ mill-vantaġġ ta’ Pierre Emile-HOJBJERG (27) li sab ix-xibka b’kalma kbira wara xoghol tajjeb minn Son Heung-Min. Fit-tieni taqsima, Aston Villa daħlu fil-logħba b’ gowl tajjeb skurjat minn Oli WATKINS (67) fuq l-assist ta’ Matt Targett — iżda kellu jkun l-istess Targett li pprovda t-tliet punti fuq platt lil Tottenham meta hu, erba’ minuti wara, għeleb lill-gowlkiper tiegħu stess għal awtogol klassiku wara li spiċċa taħt pressjoni minn Lucas Moura.
It-tim neopromoss ta’ Brentford komplew bil-mument maġiku b’rebħa oħra (2-1) – din id-darba għall-ispejjeż ta’ West Ham United – f’derby ta’ Londra oħra li ntlagħbet fil-London Stadium u fejn ir-riżultat kellu jkun deċiż fl-aħħar sekondi tal-konfront. Il-Bees ta’ Thomas Frank ħarġu tajjeb u fl-20 minuta Bryan MBEUMO sab l-ispazju biex jiskorja mill-viċin wara li l-gowlkiper tal-Hammers Fabianski kien salva t-tentattiv inizjali ta’ Sergi Canos. West Ham wettqu reazzjoni tajba, speċjalment fit-tieni taqsima, u fejn huma tilfu diversi okkażjonijiet sakemm, fit-80 minuta, wasal il-mument ta’ Jarrod BOWEN li rċieva mingħand Soucek u spara xutt perfett fir-rokna tax-xibka ta’ Raya. Madankollu l-aħħar kelma kellha tkun ta’ Yoane WISSA li fl-94 minuta kiseb lura l-vantaġġ għall-Bees bi ġmiel ta’ xutt li ħalla lil Fabianski iħares u li prattikament kienet l-aħħar azzjoni qabel it-tisfira finali tar-referi, Peter Bankes.
PREMIER LEAGUE
Ilbieraħ: Man Utd v Everton 1-1, Burnley v Norwich 0-0, Chelsea v Southampton 3-1
Leeds v Watford 1-0, Wolves v Newcastle 2-1, Brighton v Arsenal 0-0 Illum Crystal Palace v Leicester 2-2, Tottenham v Aston Villa 2-1, West Ham v Brentford 1-2, Liverpool v Man City 2-2