Hu normali li tibda s-sena akkademika bil-problemi. Hekk saħqet il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana f’intervent li għamlet il-Ħadd filgħodu fuq l-istazzjon televiżiv tal-Labour, fejn iddeskriviet is-sitwazzjoni ta’ 1,300 student mingħajr għalliema bħala intopp żgħir.
Dan hekk kif mar-ritorn tagħhom lura l-Iskola, diversi studenti spiċċaw mingħajr edukatur wara li sa lejliet, l-għalliema ma kellhomx idea f’liema klassi jew saħansitra f’liema skola kienu se jgħallmu matul din is-sena skolastika …. sforz in-nuqqas ta’ ppjanar min-naħa tal-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Madankollu, Caruana saħqet li ftit kien hemm tgergir.
Wara li l-Ministeru responsabbli minnu hi spiċċa f’paniku għad-detriment tal-edukaturi u l-istudenti, Justyne Caruana insistiet li l-appelli tal-għalliema ma kienux ġustifikati.
L-Union tal-Għalliema ikkundannat l-aġir tal-Ministeru tal-Edukazzjoni wara li ġew introdotti fil-klassijiet numru ta’ persuni li m’humiex edukaturi … biex jgħallmu. Huma saħqu li dan kien turija ta’ nuqqas ta’ rispett fil-konfront tal-edukaturi li investew il-maġġorparti ta’ ħinhom biex jispeċjalizzaw f’oqsma rispettivi tagħhom.
Iżda Justyne Caruana sostniet li dawn il-problemi dejjem jiġru. Filwaqt li ammettiet li l-Ministeru għadu qed ifittex aktar għalliema, hija farfret uħud mill-intoppi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom fuq l-edukaturi ġodda.
Sadanittant, hi ħarġet il-kanuni għal fuq ir-rappreżentanti tal-għalliema u insistiet li l-babuljata tal-Ministeru rigward l-għalliema paripatetiċi – li baqgħu sal-aħħar ma jafux x’se jsir minnhom – hu kollu tort tal-Union.
Justyne Caruana qalet li riedet isserraħ ras il-ġenituri li l-għalliema tal-Primarja li ċċaqilqu għadhom jgħallmu fil-Primarja. Madanakollu kienu bosta dawk li esprimew it-tħassib tagħhom dwar kif f’każ minnhom, għalliem tal-edukazzjoni fiżika spiċċa jgħallem suġġetti bħall-Matematika u l-Ingliż … insult għall-edukatur u l-bqija tal-kollegi sħabu.
F’reazzjoni għal dan kollu, l-MUT stqarret ma’ NET News li jekk il-Ministeru jqis bħala normali l-fatt li qdew 150 klassi biex żarmaw is-sistema u s-servizzi tal-paripatetiċi fil-Primarja lejlet il-ftuħ tas-sena skolastika … mela jfisser li fix-xhur li ġejjin għandna nippreparaw ruħna għal aktar problemi.
L-għalliema nsistew li billi tixħet taħt it-tapit il-problemi, mhux se ssolvihom, iżda tħalli lil diversi edukaturi, ġenituri u studenti jħabbtu wiċċhom waħedhom ma’ taħwid li l-Ministeru stess ħoloq waħdu.
Sadanittant, din il-ġimgħa, il-Ministru tal-Edukazzjoni kellha stedina biex tipparteċipa fil-programm ta’ NET Television ‘Kontra-Kurrent’, iżda Justyne Caruana għażlet li taħrab minn dan id-dibattitu.
//= $special ?>