Lokali

Il-Pandora Papers żvelaw li John Dalli kellu kumpanija sigrieta fil-British Virgin Islands

L-eks Kummissarju Ewropew John Dalli kellu kumpanija offshore fil-British Virgin Islands mingħajr ma qatt iddikjaraha fid-dikjarazzjoni tal-assi bħala Membru Parlamentari. Dan ħareġ minn investigazzjoni li għamlu l-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ), fosthom it-Times of Malta.

L-eżistenza tal-kumpanija Westmead Overseas Limited ħarġet mid-dokumenti ġodda msejħa Pandora Papers, li jinkludu kważi 12-il miljun rekord kunfidenzjali li nħolqu minn 14-il service provider minn madwar id-dinja.

L-ICIJ irrapportat li Dalli uża s-servizzi tal-kumpanija legali Alcogal, fil-Panama, biex jaħbi ismu mill-kumpanija moħbija. Madankollu, ismu deher fuq ir-Reġistru tad-Diretturi tal-kumpanija flimkien ma’ żewġ persuni minn Alcogal.

S’issa għadu mhux magħruf x’kienet l-intenzjoni tal-ħolqien tal-kumpanija.