Lokali

Il-PN irid li l-ġid jasal għand kulħadd – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista jrid li l-ġid jasal għand kulħadd għax jemmen li Malta u Għawdex tagħna huma ta’ kull wieħed u waħda minna, li naħdmu biex naraw li l-kwalità tal-ħajja tagħna tkompli titjieb.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fl-intervent li għamel fuq NET Television u NET FM, l-għada li l-Partit immexxi minnu ppreżenta d-Dokument ta’ Qabel il-Budget bit-tema “Irkupru, Tkabbir u Suċċess”.

Fil-fatt, matul l-intervista hu nnota kif il-korpi kostitwiti rreaġixxew b’mod pożittiv ħafna u b’sodisfazzjon għall-proposti li qed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista għax qed iħarsu lejn il-Partit immexxi minnu bħala l-Gvern Alternattiv li għandu bżonn il-pajjiż. Dan fost it-tħassib tagħhom għall-mod kif erba’ min-nies ippjanaw li jaħtfu lill-pajjiż saħansitra qabel ma kienu eletti fil-Gvern.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista ressaq u se jkompli jressaq proposti biex in-negozji kollha jkunu mgħejjunin – minn ħanut żgħir sal-akbar fabbrika. Fl-istess waqt, għax jemmen li l-flus m’humiex kollox, irid jara li aktar ġenituri jkollhom il-ħin xi jgawdu ma’ uliedhom. Kien għalhekk li Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jkun estiż il-leave tal-paternità u tal-parentela ħalli l-ġenituri jkunu qrib uliedhom fl-ewwel perjodu tat-trobbija.

Dwar il-proġett tal-mtero, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għandna Gvern li mhux kapaċi jippjana fit-tul u għalhekk ikollu jdur għall-ideat tal-Partit Nazzjonalista, ladarba mhux kapaċi jħaffer biex isib ideat għall-futur.

Hu nnota kif il-Partit Laburista pprova jirredikola l-proposta tal-metro li l-Partit Nazzjonalista ressaq erba’ snin ilu, iżda llum kellu jdur għal din l-idea biex ikollna mezzi aktar modern ta’ trasport. Madankollu, staqsa kif, jekk iħoss li din hi proposta tajba, għaliex Robert Abela ħalla sa lejlet l-elezzjoni biex iħabbarha.

Madankollu, qal li l-mod kif qed jippreżenta dan il-proġett il-Partit Laburista hu difettuż għax mhux aċċettabbli li n-naħa ta’ isfel ta’ Malta, zoni industrijali u Għawdex intesew għalkollox mill-Gvern, f’konferma oħra li ma jafx jippjana.

Bernard Grech qal li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista verament jinteressah mill-poplu kollu, il-Partit Laburista hu moħħu biss fl-interessi tiegħu u ta’ dawk madwaru. U minflok, jekk ma jirnexxielux jieħu li jrid, jipprova jkisser lil dak li jkun, bħalma pprova jagħmel mad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fl-aħħar ġimgħat. Iżda, bħala Kap tal-Partit, se jkompli jiddefendi lil kull wieħed mid-Deputati u l-Attivisti, ladarba jkunu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.

Bernard Grech għamel referenza wkoll għaż-żjarat li għamel matul l-għodwa tal-Ħadd, fejn innota kif ħafna waqqfuh u rringrazzjawh għall-mod kif il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jkun il-bidla li għandu bżonn pajjiżna.