Il-Gvern tat-Tajwan fl-aħħar sigħat qal li madwar 40 ajruplan ( jets) militari taċ-Ċina infiltraw zona ta’ difiża tat-Tajwaniżi għal kontra l-attakki mill-ajru — b’din tkun ikkonfermata bħala l-akbar inkursjoni ta’ dan it-tip għal diversi snin.
Il-Ministeru Tajwaniż għad-Difiża saħaq li żewġ formazzjonijiet ta’ ajruplani (Ċiniżi) separati daħlu f’dik iz-zona – waħda matul il-jum u l-oħra bil-lejl – u wara li numru ieħor ta’ ajruplani, inklużi bombers bil-kapaċità li jġorru l-armi nukleari, kienu nfiltraw l-istess inħawi nhar il-Ġimgħa.
L-aħħar żviluppi qed iżidu l-inkwiet dwar il-potenzjal ta’ konflitt fuq diversi fronti bejn iċ-Ċina u t-Tajwan, meta l-President tat-Tajwan, Tsai Ing-wen, qalet li pajjiżha qed iħejji għal ‘kwalunwe eventwalità’ f’sitwazzjoni mill-aktar inċerta.
Iċ-Ċina ilha s-snin tqis lit-Tajwan – Stat demokratiku – bħala provinċja separatista tagħha. Dan waqt li Beijing qed jirriserva ‘id-dritt li jieħu lura kontroll tat-Tajwan bil-forza f’każ li jqis dan il-pass bħala neċessarju’.
Intant, it-Tajwan, li jinsisti dwar id-drittijiet tiegħu bħala Stat sovran, ilu aktar minn sena jilmenta dwar dawn it-tipi ta’ inkursjonijiet mill-ajruplani militari taċ-Ċina viċin it-territorji tiegħu.
Il-Prim Ministru tat-Tajwan Su Tseng-chang fl-aħħar sigħat akkuża liċ-Ċina dwar ‘provokazzjonijiet sfaċċati’ waqt li ‘it-Tmexxija f’Beijing qed tkompli tinsisti bl-aggressjoni militari li qed taffettwa ħażin ħafna l-paċi fir-reġjun.’
Iċ-Ċina, intant, ma kkummentatx dwar l-aħħar inkursjonijiet u manuvri tal-ajruplani tagħha qrib Tajwan — iżda fil-passat kienet irrepetiet l-istqarrija li ‘dawn it-titjiriet huma meħtieġa biex jipproteġu s-sovranità (taċ-Ċina)’. Dan meta Beijing, fl-istess ħin, ikkundanna ‘il-kooperazzjoni inaċċettabbli li teżisti bejn it-Tajwan u l-Istati Uniti’.
L-awtoritajiet Tajwaniżi, mill-banda l-oħra, qalu li l-ajruplani taċ-Ċina għaddew minn qrib il-Gżejjer Pratas – u meta, qabel, numru ieħor ta’ ajruplani militari taċ-Ċina kienu taru minn fuq l-ibħra ta’ bejn it-Tajwan u l-Filippini.
L-awtoritajiet f’Tajpej kienu wieġbu għal din il-provokazzjoni bl-istazzjonar ta’ diversi sistemi missilistiċi waqt li telgħu wkoll numru ta’ jets militari bil-għan li jipproteġu s-sovranità tal-ajru tat-Tajwan.
//= $special ?>