Lokali Parlament

Konrad Mizzi għal quddiem il-PAC

It-Tnejn jirritorna l-Parlament

L-Eks Ministru Laburista Konrad Mizzi nhar l-Erbgħa li ġej mistenni jidher quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-Kamra (PAC) biex jixhed dwar il-kuntratt tal-Electrogas. Dan hekk kif minn għada t-Tnejn se jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Parlament wara l-vaganzi tas-sajf.

Robert Cutajar, il-Whip tal-Partit Nazzjonalista, f’kummenti li ta lill-gazzetta “il-mument” spjega li se jkunu qed jibdew ħidma intensiva f’dawn il-jiem.

Il-Budget diġà tħabbar li se jkun ippreżentat fil-11 ta’ Ottubru u mbagħad il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech – ġimgħa wara – ikollu l-opportunità li jagħmel it-tweġiba għall-Budget. Dan ikun meqjus bħala diskors ta’ importanza, illum ferm aktar minn qatt qabel minħabba li dan ikun l-aħħar Budget li se jkun qed jitressaq qabel l-elezzjoni ġenerali.

Robert Cutajar kompla li kemm-il darba jimxi kollox skont kif ippjanat u maqbul fil-Kumitat għax-Xogħlijiet tal-Kamra, mill-Erbgħa, 19 ta’ Ottubru, 2021 tibda sensiela ta’ żewġ seduti kuljum biex ikunu diskussi l-Estimi ta’ kull Ministeru.

Il-Grupp Parlamentari se jerġa’ jkun ippreparat biex f’isem l-Oppożizzjoni mhux biss iressaq il-kritika tiegħu, imma wkoll jerġa’ jtenni u jsaħħaħ id-diversi proposti li l-Oppożizzjoni ressqet matul l-aħħar xhur, fosthom jispikkaw il-proposti dwar l-ambjent, Għawdex, il-ġustizzja, is-saħħa mentali, is-sorsi alternattivi ta’ enerġija, il-proposti dwar il-kwalità tal-ħajja b’rabta mal-familji u l-ħaddiema, u l-intern.

Meta għada jkun qed jiltaqa’ l-Parlament se jkunu diskussi l-Att li jemenda l-Att tal-Kumpaniji u jsegwi l-Att dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ.

Matul l-aħħar ġimgħat, id-deputati tal-Oppożizzjoni komplew jaħdmu fuq il-Mistoqsijiet Parlamentari u wieħed jittama li l-Ministri jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom u jweġbuhom.

Tajjeb li jingħad li fis-seduta tal-Erbgħa li ġej, quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, se jitkompla jkun diskuss il-kuntratt tal-Electrogas u mistenni jitressaq bħala xhud, l-Eks Ministru Laburista Konrad Mizzi. Tajjeb li jingħad li Konrad Mizzi għadu jokkupa siġġu parlamentari.

Tajjeb li jingħad li minkejja li l-Parlament se jkun qed jerġa’ jibda jiltaqa’ minn għada, il-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni matul il-ġimgħat tas-sajf baqa’ attiv b’involviment dirett fl-inizjattivi tal-clusters kif ukoll parteċipi f’numru ta’ konferenzi tal-aħbarijiet u stqarrijiet relatati mad-dekasteri varji ta’ kull deputat.