Lokali

Messaġġ ta’ ringrazzjament minn Bernard Grech f’għeluq is-sena Kap tal-PN

Matul din is-sena, bdejna t-trasformazzjoni, li permezz tagħha l-Partit Nazzjonalista sar aktar frisk, attwali u ppreparat.

Hekk kiteb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fuq Facebook, f’messaġġ ta’ ringrazzjament f’għeluq l-ewwel sena minn mindu kien elet mit-Tesserati bħala l-Kap tal-Partit.

Hu fakkar kif, matul din is-sena, kellu x-xorti jiltaqa’ ma’ eluf ta’ persuni, fejn ħabbat l-ideat u tgħallem mill-esperjenzi. Sena li matulha l-Partit Nazzjonalista kompla jitressaq viċin in-nies.

Bernard Grech irringrazzja fost l-oħrajn lill-eluf ta’ voluntieri, li sejħilhom il-qalb u r-ruħ tal-Partit Nazzjonalista u li dejjem lesti jagħtu l-appoġġ, il-ħin u l-ħiliet tagħhom għall-inizjattivi tal-Partit.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jgħid li hu privileġġ tiegħu li ta’ kuljum ikun misluf il-fiduċja tal-poplu.