Futbol Sport

Napoli jsaħħu posthom fil-quċċata… Milan fit-tieni post b’rebħa fuq Atalanta

(Ritratt: EPA)

Fi Stadio Artemo Franchi Napoli kisbu rebħa ta’ 2-1 kontra Fiorentina. Tkompli s-serje pożittiva ta’ Napoli bis-seba’ rebħa konsekuttiva minn daqstant partiti fejn saħħew posthom fl-ewwel post b’21 punt. Bil-logħob ikun maqsum fl-ewwel fażi tal-partita, fid-29 minuta Fiorentina marru fil-vantaġġ. Minn azzjoni ta’ Dusan Vlahovic kien LUCAS MARTINEZ li għeleb lil David Ospina. Reazzjoni immedjata minn Napoli. Fit-38 minuta għal foul fuq Osimhen, ir-referee Simone Sozza kkonsulta l-VAR. Saffar penalty għal Napoli. Taħ Lorenzo Insigne, b’Bartolomej Dragowski salva, daħal mill-ewwel HIRVING LOZANO li kompla ġewwa għal 1 – 1 . Riżultat li biħ intemmet l-ewwel taqsima. B’Napoli fuq l-offensiva fil-50 minuta marru fil-vantaġġ permezz ta’ AMIR RRAHMANI minn azzjoni ta’ Piotr Zielinski. Gowl li kellu jkun deċiżiv għas-seba’ rebħa konsekuttiva.

F’Bergamo, rebħa importanti għal Milan li permezz tagħha żammew il-pass ma’ Napoli u zammew it-tieni post b’19 il-punt filwaqt li Atalanta b’din it-telfa niżlu fit-tmien post bi 11 il-punt daqs Lazio, Juventus u Bologna. Wara biss minuta fl-ewwel azzjoni Milan fil-vantaġġ permezz ta’ DAVIDE CALABRIA li għeleb lil Juan Musso. Minkejja li Atalanta ppruvaw iwettqu reazzjoni fit-43 minuta kien SANDRO TONALI li wiċċ imb’wiċċ ma’ Musso ma kellu ebda diffikulta’ li jirdoppja. Bil-partita deċiża l-andament matul it-tieni taqsima baqa’ l-istess tant li fit-78 minuta l-iskor sar 3 – 0 .Azzjoni ta’ Theo Hernandez lejn RAFAEL LEAO li mill-ġdid għeleb lil Musso. Atalanta naqqsu l-iskor fis-86 permezzta’ penalty mgħoti u skorjat minn DUVAN ZAPATA għat 3 – 1 .Kien għad fadal għax fir-raba’ minuta tal-ħin miżjud minn azzjoni tal-istess Zapata kien MARIO PASALIC li għamel l-iskor 3 – 2 .

Fi Stadio Olimpico Roma kisbu rebħa ta’ 3-0 kontra Empoli. Tlett punti li permezz tagħhom Roma telgħu fir-raba’ post bi 15 il-punt. Minkejja li Roma kellhom aktar mill-logħob, kellhom jistennew sat-42 minuta biex jiftħu l-iskor. Minn pass ta’ Henrikh Mikhitaryan kien LORENZO PELLEGRINI li għeleb lil Guglielmo Vicario għal gowl tal-vantaġġ It-tieni taqsima baqgħet fuq l-istess andament l-aktar wara li fit-48 minuta HENRIKH MIKHITARYAN għeleb lil Vicario u rdoppja għal Roma u għalaq il-partita.

Fi Stadio Luigi Ferraris, f’partita mimlija gowls Sampdoria u Udinese temmew fi draw ta’ 3-3. Kienu Udinese li fetħu l-iskor fil-15-il minuta meta minn pass ta’ Gerard Deulofeu, kien Roberto Pereyra li kkonkluda fix-xibka. Sampdoria kisbu l-gowl tad-draw fl-24 minuta meta wara li l-konklużjoni ta’ Antonio Candreva ħabtet mal-lasta, kien id-difensur Jens Stryger Larsen li tefa’ fil-lasta tiegħu stess. Udinese daħlu jistrieħu fil-vantaġġ hekk kif fit-43 minuta kien Beto li rreaġixxa għal ballun li ħabat mal-lasta biex mill-viċin tefa’ ġewwa. Fit-tieni taqsima Sampodria ħarġu jfittxu l-gowl u proprju fit-48 minuta huma ngħataw penalty għal foul ta’ Marco Silvestri fuq Francesco Caputo. Mill-ħdax-il metru kien il-veteran Fabio Quagliarella li ma żbaljlax għal 2-2. Biex fid-69 minuta Sampdoria marru fil-vantaġġ permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ Antonio Candreva għal 3-2. Iżda Udinese kisbu l-gowl tad-draw fit-82 minuta meta minn daqqa ta’ ras ta’ Bram Nuytinck kien Fernando Forestieri li mill-viċin tefa’ ġewwa għal 3-3.

SERIE A

Il-Ġimgħa Cagliari v Venezia 1-1 Ilbieraħ Salernitana v Genoa 1-0, Torino v Juventus 0-1, Sassuolo v Inter 1-2 Illum Bologna v Lazio 3-0, Sampdoria v Udinese 3-3, Verona v Spezia 4-0, Fiorentina v Napoli 1-2, Roma v Empoli 2-0, Atalanta v Milan 2-3