Sena wara l-ħatra ta’ Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni, netnews.com.mt intervista lis-sinjura AnneMarieGrech dwar x’fissret din is-sena u temi oħra.
Is-Sinjura Grech laqgħet lil Christine Amaira fis-salott tal-familja Grech fejn tkellmu dwar kif għexu din is-sena bħala familji u dwar temi oħra.
Sinjura Grech nixtieqek tiddeskrivi f’sentenza waħda x’fissret għalikom bħala familja din is-sena – l-ewwel sena ta’ Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Din is-sena nħoss li kienet esperjenza ġdida, unika, pożittiva u li tatna l-opportunità li niltaqgħu man-nies. Lili tatni l-opportunità li nitkellem man-nies u fejn hu possibbli li nipprova nagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor – xi ħaġa li dejjem emmint ħafna fiha jiena.
Naf li ma kinux ċirkostanzi normali, anzi kienu ċirkostanzi pjuttost uniċi anke għalik, imma tista’ tgħidli kif għext il-mumenti li sirt taf li Dr Grech kien ġie elett Kap tal-Partit Nazzjnalista?
Dakinhar kien hemm emozzjonijiet kbar. Kont bil-Covid. Kont ili kważi tliet ġimgħat diġà magħluqa ġewwa waħdi d-dar, ma kien żmien sabiħ xejn. Però minn x’hin qomt, u kont inqum kmieni avolja ma kienx ikolli għalfejn, dakinhar minn x’ħin qomt bdejt nibki. Għamilt ġurnata sħiħa nibki. Qisni ridt inkun ma żewġi u ma’ uliedi. Ridt nagħti s-sapport tiegħi li Bernard. Kont naf li Neil u Maria kienu se jkunu miegħu f’kollox u f’kull mument, però ħassejt li jien kelli nkun hemm ukoll. U ħassjetha verament inġustizzja li jien qegħda ġewwa, iżolata bil-Covid f’ġurnata daqsekk importanti.
Għal xi s-1.00pm kienu bgħatuli pjanta u allura komplejt nibki. Aktar tard, meta mbagħad ħareġ ir-riżultat ġew taħt il-gallarija tad-dar , dak il-ħin vera ħadt pjaċir. Matul il-lejl kollu sakemm ħareġ ir-riżultat żammewni okkupata bil-videochats u telefonati, u allura żammewni okkupata u involuta il-ħin kollu.
Kien hemm emozzjonijiet kbar dakinhar.

Inti kont waħdek dakinhar u kellek allura l-vantaġġ jew jista’ jkun forsi l-iżvantaġġ li kellek ħafna ħin biex taħseb dwar dawk li kienu se jkunu l-implikazzjonijiet ta’ dak li kien għadu kemm seħħ. X’kienu l-ewwel ħsibijiet, l-ewwel biżgħat forsi?
Jien persuna li ngħix ġurnata b’ġurnata. Ħsibijiet ikollok, però ħsibijiet bħal ‘issa naraw kemm se jkun imħabbat Bernard’ u ‘kemm se jkollu x’jagħmel f’din il-kariga l-ġdida’. Din kienet kariga li kienet se tkun għal kollox differenti għalih. Hu kien iddeċieda xahar u nofs biss qabel.
Biżgħat kulħadd ikollu xi ftit. Bernard kien bnieden kien bniedem dejjem id-dar mal-familja kemm jista’ jkun. Tliet darbiet f’ġimgħa kien ikollu l-uffiċju, imma l-uffiċju mad-dar, allura dejjem ikollok dak iċ-ċans li jieħu 5 minuti jgħid kelma magħna, jew jieħu tazza tè. Dik kont naf li se tinqata’. U filfatt illum il-ġurnata jagħmel tnax jew erbatax-il siegħa barra mid-dar, u dik hi xi ħaġa li nħossuha ħafna.
Però huwa żmien differenti għalina, hu żmien ieħor.
Inti mort minn kampanja, għal perjodu ta’ kwarantina, għal mart il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kif għextha din it-tranżizzjoni f’perjodu daqstant qasir?
Hekk hu u barra minn hekk dak iż-żmien ukoll bdejna l-iskola. Jiena għalliema u l-karriera tiegħi inħobbu ħafna u ma nitlaqhiex, allura kelli dak ir-rwol ukoll. Però kif għidtlek aktar kmieni, ngħix il-ġurnata. Ngħid illum hemm bżonn nidħol f’dan ir-rwol, li nissapportajah u nkun miegħu f’dik l-okkażjoni u nagħmel ħilti. Nagħmel ħilti li niltaqa’ man-nies, nitkellem magħhom u nlaħħaq kemm jista’ jkun ma’ affarijiet.
Naturalment, ċerti affarijiet qed jiqbgħu ftit lura, bħal ċertu affarijiet tad-dar li qabel konna nagħmluhom flimkien, illum il-ġurnata rridu nqabbdu lil ħaddieħor. Qabel kien jagħmel ħafna affarijiet Bernard, għax kapaċi jagħmel ħafna xogħol, imma issa ovvjament ma tantx insibu hawn allura jkolli nbaqqad lil xi ħadd biex jgħini fejn hemm bżonn. Imma dak li hemm bżonn isir xorta.

Filfatt wassaltni għal mistoqsija oħra li kelli f’moħħi. Żgur mhux forsi kien hemm ħafna tibdiliet li kellkhom tgħaddu minnhom bħala familja. Kemm kienet diffiċli għalikom biex taddattaw u liem kienu l-akbar sfidi?
L-akbar problema hi li t-tfal fejn kienu jsibu lil missierhom hawnhekk ħafna ħinijiet, issa qed isibuh ferm inqas. Huma għandhom ħajjithom ukoll, imorru għax-xogħol, joħorġu filgħaxija, u ġieli kif jidħol Bernard huma ma jkunux hawn. Allura aktar hemm ċans li ma nkunux flimkien – xi ħaġa li nħossuha għax aħna nfittxu ħafna lil xulxin. Però bil-Whatsapp group, nibqgħu nikkomunikaw, u kull ftit ħin li jkollu fil-ġurnata, ġieli jkunu saru s-7.00pm jiġifieri, Bernard jibgħatilna ‘intom kollox sew?’.
Bernard jagħmel ħiltu biex ma nħossux daqsekk in-nuqqas tal-preżenza tiegħu. Imma iva l-istil tal-ħajja tagħna nbidel.
Kien hemm mument meta għidt ‘x’għamilna b’idejna’?
Ma naħsibx le li qatt għidniha dik. Forsi fis-sħana meta tkun ħafna sħana u minflok se mmorru l-baħar irridu nilbsu, fil-każ ta’ Bernard il-ġlekk u l-ingravata, forsi l-aktar f’xi mument bħal dak li stajna għidniha. Imma le, ma jiddispjaċiniex. Hija ħajja eċitanti, li ġġib sfidi ġodda, u hija esperjenza sabiħa, pożittiva.
Kemm saret diffiċli għalikom biex ikollkom ftit mumenti flimkiet ta’ mistrieħ, u meta jirenxxielkom issibu ftit ħin, kif tqattgħuh?
Nippruvaw is-Sibt inħalluh għalina. Meta jkollna ċ-ċans, fix-Xitwa mmorru xi mixja fil-kampanja u fis-Sajf immorru nieħdu għawma. Jiġifieri nippruvaw nieħdu anke għawma qabel l-uffiċju. Nippruvaw fis-7.30am nieħdu għawma ta’ siegħa. Dik nippruvaw nagħmluha. Qabel konna nagħmluha aktar. Issa ftit limitati iżjed.
Meta jirnexxielna jkolna weekend flimkien nippruvaw immorru camping. Meta ma nkunux nistgħu għax ma jkollniex ċans, u ħbieb tagħna jkunu camping, immorru ftit ħdejhom , u hekk għallinqas ingawdu nofstanhar, forsi ġurnata. Però iva nsibu ċ-ċans li nitilqu ‘l barra.
Se mmur ftit lil hinn mit-tema tal-familja.
Sfortunatament, għadna naraw nuqqas kbir ta’ tfajliet u nisa fi rwoli ta’ decision-makers, anke fil-politika. X’inhu l-messaġġ tiegħek lil tfajliet u nisa li forsi għadhom qed iħossuha diffiċli biex jagħmlu dak il-pass u jkunu anke huma aġenti ta’ bidla?
Jiena ma nħossx li n-nisa għandhom ikunu differenti mill-irġiel, fejn jidħlu deċiżjonijiet jew f’xogħol li tixtieq tagħmel.
Barra minn hekk nemmen li jekk persuna tixtieq tidħol għaliha għandha jkollha l-appoġġ kollu tal-partner, tal-ġenituri, ta’ dawk ta’ madwarha, biex tagħmilha.
Meta Bernard daħal għal din l-isfida, jien awtomatikament b’rispett iddeċidejt li nagħtih l-appoġġ sħiħ tiegħi. Kieku għamiltha jien, ċerta li kien jagħmel l-istess għalija. Le ma naħsibx li għandu jkun hemm differenza għan-nisa.
Jien l-appell tiegħi lin-nisa hu li jekk hemm xi ħaġa li verament tixtieq tagħmel, go for it. Fl-aħħar mill-aħħar, id-determinazzjoni kollox, f’kull ħaġa.
Vera li l-mara għandha aktar fuq spallitha. Dik hi realtà. Jekk hemm it-tfal, jekk hemm xogħol partikolari, jista’ jkun li mara taqta’ qalbha iżjed. Però m’għandux ikun hekk.
Mara għandha jkollha l-għajnuna u s-sapport sabiex tkun tista’ ssarraf il-ħolm tagħha f’realtà.
X’inhuma l-aktar affarijiet li jħassbuk fil-pajjiż bħalissa?
Din l-atitudni ta’ xejn mhu xejn. Din tinkwetani ħafna.
Dik li tara ġlieda fuq il-media soċjali, u taraha ddur, kulħadd jixxerjaha. Tinkwetani.
Jien ġlieda lanqas nieħu pjaċir naraħa, aħseb wara noqgħod indawwarha biex joqgħod jaraha ħaddieħor. Jew per eżempju l-vjolenza fuq l-annimali.
Qed nagħtu din l-impressjoni li ‘ara x’qed isir’.
Imbagħad fejn isir abbuż – l-abbuż domestiku jinkwetani ħafna.
Xi ħaġa għal qalbi ħafna huwa r-rispett. In-nuqqas ta’ rispett iħassibni ferm. U dan jorbot ħafna wkoll ma’ din l-atitudni tax-xejn mhu xejn. Għax inti jekk tirrispetta, toqgħod attenta anke x’tikteb fuq il-media soċjali, toqgħod attenta kif titkellem ma’ ħaddieħor, tara li tisma lil ħaddieħor, tkun konxja ta’ kemm trid toqgħod attenta f’dak li tagħmel u li tgħid fuq il-post tax-xogħol.
Għalija n-nuqqas ta’ rispett qed narah jikber u sinċerament jinkwetani ħafna.
Jien nemmen li inti fil-kariga tiegħek diġà qed tħalli t-timbru tiegħek anke fuq it-tmexxija u fid-deċiżjonijiet li jieħu Dr Bernard Grech. X’taħseb li huwa t-timbru li ħallejt s’issa u x’inhu dak li tixtieq tħalli anke fiż-żmien li ġej?
Jien nieħu pjaċir nitkellem man-nies, nagħmel telefonati, inċempel ħafna nies, nitkellem magħhom, nismagħhom, u nemmen li qegħda tħalli effett.
Jiddispjaċini li kultant inkun imħabbta anke b’attivitajiet li jkolli bżonn inkun ma’ Bernard fihom, u nkun nixtieq li jkolli aktar opportunitajiet biex inkellem aktar nies, però il-ħin huwa limitat.
Nixtieq inkompli naħdem iżjed. Nixtieq nagħti aktar kontribut fejn jidħlu tfal f’diżabilità, tfal u żgħażagħ li għaddejjin minn mard mentali. Nixtieq ngħin ukoll lil nisa li jinsabu għaddejjin minn żmien ta’ sfida għax ma jistgħux ikollhom tfal, jew li forsi tilfu xi tarbija. Fejn jidħlu ċirkostanzi bħal dawn, hemmhekk tingħafas qalbi u nkun nixtieq naħdem aktar f’dawn l-oqsma.
