Lokali Turiżmu

Ebda garanzija dwar il-futur tal-Air Malta

L-ebda serħan il-moħħ ghall-ħaddiema tal-Air Malta hekk kif il-Ministru Clyde Caruana spjega mal-ġurnalisti li għadu ma ntlaħaq l-ebda qbil dwar il-linja nazzjonali tal-ajru.

Huwa qal ukoll li l-pjan ta’ rkupru ghall-Air Malta se jkun wieħed ta’ piż fuq il-finanzi tal-Gvern.

Il-Ministru tal-Finanzi li taħtu taqa’ r-responsabbilta’ tal-linja nazzjonali tal-ajru, ma ta l-ebda assigurazzjoni jekk l-Air Malta hux se tibqa’ tiffunzjona sa tmiem is-sena…. filwaqt illi għadu s’issa ma ta ebda assigurazzjoni ta’ xogħol għal dawn l-impjegati li ilhom xhur f’inċertezza.

Bħalissa, il-Gvern Laburista qed jitlob permess għal state aid…. b’sorsi qrib il-Kummissjoni Ewropea qed jindikaw li l-ammont mitlub mill-Ministru Clyde Caruana mhux wieħed realistiku – bit-triq għadha waħda twila sabiex jintlaħaq qbil. Dan ifisser aktar tħassib għal diversi impjegati tal-linja nazzjonali tal-ajru.

Il-ħaddiema tal-AirMalta ilhom xhur jitolbu assigurazzjoni mill-Gvern, iżda sorsi mill-qalba ta’ din il-kumpanija qed jghidu li l-ħsara li saret taħt il-Ministru Konrad Mizzi għadha tinħass sal-lum.

Taħt ċirkostanzi normali l-istati membri tal-Unjoni Ewropea huma pprojbiti milli jingħataw għajnuna finanzjarja sabiex isostnu entitajiet privati. Madanakollu, din ir-restrizzjoni tneħħiet minn Brussell fid-dawl tal-effetti tal-pandemija – partikolarment fis-settur tal-ivvjaġġar.