Fil-Budget li għadda, il-Gvern kien wiegħed li titlesta l-iskola tar-Rabat Għawdex. Ma saritx.
Kien regġa’ wiegħed li tinfetah l-iskola tal-Imsida. Anke din ma saritx.
Kien wiegħed Kumpless Olimpiku u track indoor fl-Università – kollox ħolm fl-arja. U l-bini ta’ outpatients f’Mater Dei u parkegg taħt l-art illi baqgħu fuq l-ixkaffa.
Dawn huma biss ftit mid-diversi punti li kienu issemmew fil-Budget li għadda b’tant ftaħir, u li baqgħu ma twettqux – punti li ġew elenkati f’dokument ippubblikat it-Tnejn filgħodu mill-Ministeru tal-Finanzi.
Ma’ dawn, jiżdiedu l-wegħdi ta’ xoghlijiet ta’ restawr li qatt ma saru, il-famuż Villaġġ tal-Karnival, ir-raba’ vapur bejn Għawdex u Malta, il-proġett tal-Imsida Junction, il-Kumpless tar-Rugby f’Kordin, ix-xogħol fil-Mall, il-bini ta’ Life Sciences Park ġdid, u l-proġett tal-Osservatorju Astronomiku f’Għawdex – kollu diskors sabih tal-Budget illi sar suf.
Iżda li huwa ironiku f’dan id-dokument huwa l-fatt illi, skont il-Gvern, il-wegħda taż-żieda ta’ ġurnata leave ġiet implimentata.
U dan meta kulħadd jaf li din kienet biss gimmick ta’ żmien il-Budget. Għaliex fil-verità, is-sena li għaddiet, il-ħaddiema ma ħadu ebda ġurnata extra ta’ leave.
Ironiku wkoll kif il-Gvern qed jgħid li żdiedu l-ispezzjonijiet fuq il-postijiet tax-xogħol biex jiġu evitati abbużi; propju ftit jiem biss wara li ħaddiem barrani weġġa’ fuq il-post tax-xogħol u tħalla mixħut fuq bankina bl-ispina ta’ dahru miksura.