Lokali Qorti

Il-familja Caruana Galizia titħalla tintervjeni fl-Appell Kostituzzjonali ta’ Fenech biex il-Pulizija ma tiżvelax informazzjoni

Fl-ewwel seduta li saret dwar l-Appell Kostituzzjonali ppreżentat minn Yorgen Fenech ġie kkonfermat li l-familja Caruana Galizia għandha dritt tintervjeni fil-każ. Wara intervent li sar mill-Avukat Therese Comodini Cachia, l-Qorti qalet li r-raġel ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Avukat Peter Caruana Galizia u wliedha Matthew Paul u Andrew huwa awtoriżżat biex jintervjenu fil-kawża u mhux biess jissejjħu..

Dan id-dritt kien diġa ingħata f’digriet mogħti minn Qorti oħra fl-24 ta’ Novembru 2020. Għaldaqstant saret korrezzjoni fuq dan il-punt. Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Rllul qalet ukoll li se tibda tisma’ l-każ dwar dan l-Appell fit-18 ta’ Ottubru fil-11.15am.

It-talba ta’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat li kien il-moħħ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, saret minnu sabiex ma tingħatax xhieda ibbażata fuq informazzjoni li għadda hu stess biex jingħata l-maħfra presidenzjali. Din it-talba ma ġietx milqugħa mill-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Imħallef Anna Felice.

Fenech kellu t-talba tiegħu għall-maħfra presidenzjali miċħuda mill-Gvern bl-avukati tiegħu ippruvaw iwaqqfu uffiċjali tal-Pulizija milli jagħtu x-xhieda tagħhom skont l-informazzjoni li għadda Yorgen Fenech stess lill-Pulizija.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti Kostituzzjonali kienet qalet li t-talba ta’ Fenech hija waħda prematura. L-avukati Charles Mercieca, Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran qed jargumentaw li l-informazzjoni kien għaddijha bl-iskop li jingħata maħfra presidenzjali dwar l-allegat kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li jekk l-informazzjoni tingħata xhieda dwarha tmur kontra d-dritt tal-imputat għal smigħ ġust.

Huma qed jgħidu wkoll li Fenech ma ngħatax twissija meta għadda informazzjoni kunfidenzjali u sensittiva lill-investigaturi. Il-Qorti iżda kienet qalet li f’dan l-istadju li wieħed iżomm milli toħroġ ċertu evidenza tista’ twassal biex iċaħħad lill-Qorti Kriminali mir-responsabiltà tagħha biex tiddeċiedi dwar l-ammissibiltà tal-evidenza.