Lokali Parlament

Il-Kamra tibda tiddiskuti l-Att dwar il-Kumpaniji

Il-Kamra tar-Rappreżentanti nhar it-Tnejn filgħaxija bdiet tiddiskuti emendi għall-Att dwar il-Kumpaniji fejn il-Gvern qiegħed iressaq numru ta’ klawsoli ġodda biex jaġġorna r-Reġistru tal-Kumpaniji għar-realtajiet tal-lum.

Il-Ministru Silvio Schembri li ressaq dawn l-emendi qal li l-iskop ta’ dawn l-emendi huma biex jitnaqqsu l-abbużi u biex min jinqabad jabbuża billi jinħeba bħala Uffiċjal jew Direttur f’xi kumpaniji, allura jsib jistennew il-penali meħtieġa.

Hu qal li l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus għandha tkun waħda qawwija u għalhekk issa r-Reġistru tal-Kumpanij qed jitlob ċertu informazzjoni li se tkun għall-użu strett regolatorju u mhux għall-pubbliku.

Fost l-aktar importanti f’dawn l-emendi hemm li min ikun qed jirreġistra bħala Azzjonist jew Uffiċjal ta’ xi kumpanija, dan irid jgħaddi wkoll l-indirizz tiegħu fejn jista’ jkun kuntattjat u fejn ikun jista’ jiġi misjub.

Hu qal li fl-istadju ta’ Kumitat qed jawgura li jkun hemm diskussjoni pożittiva biex dawn l-emendi jkunu analizzati sew u jiddaħħlu bl-aħjar mod possibbli.

Għal dan id-diskors introduttorju wieġeb id-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis li qal li llum pajjiżna għandu Reġistru tal-Kumpaniji li fih mal-95,000 kumpanija reġistrata miegħu. Iżda fil-verità jekk wieħed jagħsar lil dawn il-kumpaniji jsib li l-parti l-kbira ta’ dawn il-kumpaniji huma tal-familji u fil-verità anqas għandhom għalfejn ikunu rreġistrati.

Hu qal li permezz ta’ dawn l-emendi l-Gvern qiegħed idaħħal ħafna aktar burokrazija żejda fir-Reġistru tal-Kumpaniji u dan m’għandux ikun għaliex is-serjetà u r-reputazzjoni tajba li qed jipprova jirbaħ il-Gvern ma tinġieb billi tiżdied il-burokrazija.

Hu qal ukoll li l-ħafna data mitluba ma tagħmilx sens, fosthom li issa Azzjonist jew Uffiċjal ta’ kumpanija jrid iniżżel id-data tat-twelid tiegħu. Mela mhux kulħadd għandu l-Karta tal-Identitá? staqsa b’ton ironiku Joe Ellis.

Hu kompla li hu inutli li r-Reġistru tal-Kumpaniji jitgħabba b’ħafna xogħol żejjed biex imbagħad jiġri dak li qed jiġri fil-Qrati li minn meta twaqqfet l-Aġenzija tal-Qrati, il-Qrati fil-pajjiż sejrin lura bħall-granċ. “Araw x’qed jiġri f’Għawdex fejn hemm kollass stas-sistema? Araw X’qed jiġri fil-pajjiż? Qed timponu aktar burokrazija u aktar multi u l-affarijiet flok se jmorru għall-quddiem, sejrin minn ħażin għall-agħar.”

Joe Ellis qal li b’dawn l-emendi l-Gvern qed jgħabbi lis-sistema b’ħafna piżijiet li ma jagħmlux sens u mbagħad it-tajba hi li min se jkun qed jonqos, dan se jkollu jiffaċċja penali kbar.

Hu qal li dak li għandu jagħmel il-Gvern biex joħroġ lil Malta mill-Grey Listing hu billi jassigura l-korrettezza fil-mod kif isiru l-affarijiet u mhux iħalli l-korruzzjoni titwettaq u, agħar minhekk, ma jħallix lill-istituzzjonijiet jiffunzjonaw kif ġara f’pajjiżna fl-aħħar snin.

Hu appella lill-Gvern biex ma jitfax piżijiet esaġerati fuq il-kumpaniji għaliex ħafna minnhom huma żgħar u ma jifilħux għal dawn il-piżijiet bla bżonn.

Tkellem imbagħad id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li hu wkoll jingħaqad mal-appell tad-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis biex il-Gvern ma jgħabbix lill-kumpaniij u lin-negozji ż-żgħar b’piżijiet bla bżonn.

Hu qal li ma jagħmel assolutament sens xejn li l-kumpaniji ż-żgħar jitgħabbew b’ħafna burokrazija li tkompli tagħmlilhom l-operat tagħhom ferm aktar diffiċli u impossibbli fis-swieq tal-lum.

Edwin Vassallo qal li dan l-aġir tal-Gvern hu biss sinjal tal-paniku minħabba lid-defiċit qiegħed dejjem jiżdied u dak li issa jdaħħal bħala multi, għada pitgħada jdaħħlu bħala miżati fissi iżda hemm diversi kumpaniji li ma jifilħux għal dawn l-impatti burokratiċi u għal dawn il-pieni bla bżonn.

Il-Gvern għandu jagħmel impenn biex inaqqas il-burokrazija għaliex fin-nofs hemm l-impjiegi u l-investiment. Jekk il-Gvern se jżid il-burokrazija jkun qed ifixkel lil min ikun qed joffri l-postijiet tax-xogħol u lil min ikun qed jinvesti għaliex dawn ma jistgħu jibqgħu jaqilgħu ġewwa fihom għas-sempliċi raġuni li fil-pajjiż – għal għadd ta’ snin – il-Gvern preżenti ħalla l-korruzzjoni tiddomina u ssir istituzzjonalizzata.

Malta għerqet fil-korruzzjoni u pajjiżna llum tilef kull kredibbiltà. Imma issa ma nistgħux nippruvaw inġibu s-serjetà billi nitfgħu ħafna piżijiet bla bżonn fuq il-kumpaniji. U liema kumpanija sejra finalment assorbi l-ispejjeż hi? Mhux finalment il-poplu hemm barra se jkollu jassorbi l-piżijiet hu. U hekk sew?

Edwin Vassallo qal li lil hinn mill-effetti tal-Covid-19 li ħalliet effetti kbar fuq pajjiżna, pajjiżna għad irid jibda jfieq ukoll mill-effetti li l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter ħallew fuq pajjiżna għaliex għal snin twal il-Gvern Laburista ma kienx effettiv kontra l-korruzzjoni u l-abbużi li twettqu. Għalhekk pajjiżna jinsab f’hix jinsab.

Hu fakkar li fil-preżent qed ngħixu sitwazzjoni fejn il-kumpaniji qed jiffaċċjaw żidiet konsiderevoli fil-prezzijiet, fosthom tat-trasport. Għandna kumpaniji li m’għadhomx f’pożizzjoni li jistgħu jiffaċċjaw aktar dawn l-ispejjeż u għalhekk qed jotru.

Min-naħa tiegħu l-Gvern flok ma hu qed jgħin lil dawn il-kumpaniji f’diffikultà, qed jibgħat lit-Tax Compliance Unit li qed tkompli tagħmel; il-ħajja ta’ dawn il-kumpaniji aktar diffiċli.

Hu qal li l-Gvern se jkun qed jiżbalja bl-ikrah meta l-ġimgħa d-dieħla se jkun qed iressaq il-Baġit għas-sena d-dieħla u se joqgħod jiftaħar bil-kisbiet li jgħid li għamel il-pajjiż, meta fil-verità s-sitwazzjoni hi ferm lil hinn minnhekk għaliex il-verità hi li hawn għadd ta’ kumpaniji li jinsabu f’diffikultajiet serji ħafna.

Edwin Vassallo qal li ful il-pandemija kellna r-realtà ta’ kumpaniji li għaliex kienu se jagħlqu spiċċaw irċevew xi tip ta’ għajnuna mill-Gvern. U dan hu tajjeb. Iżda dak li rridu ngħidu wkoll hu li fl-industriji kien hemm ħafna problemi oħrajn, fosthom il-problema tal-cash-flow li rrendew għadd ta’ kumpaniji fi problemi kbar.

Hu temm li llum id-dejn tal-pajjiż tant żdied li allura l-Gvern qed idur fuq il-kumpaniji għaliex issa l-Gvern jinsab jiffaċċja r-realtà.

Fil-winding up, il-Ministru Silvio Schembri qal li attwalment fir-Reġistru tal-Kumpaniji hemm mat-48,000 kumpanija u l-intenzjoni tal-Gvern dwar dawn l-emendi hu biex jgħolli l-livell.

Hu qal li ma hu minnu xejn li l-Gvern qed jipprova jdaħħal dawn l-emendi biex inaqqas id-defiċit tal-pajjiż.

Hu qal li ma hu minnu xejn li l-Gven qed jipprova jdaħħal piżijiet ġodda fuq il-kumpaniji. Dak li qed jipprova jagħmel il-Gven hu biss li jdaħħal regoli li bihom jiġġieled il-ħasil tal-flus u l-flus użati għat-terroriżmu.

Hu qal li kulma l-Gvern qed jagħmel permezz ta’ dawn l-emendi hu biex ir-Regolatur tal-Kumpaniji jkun jaf min huma tassew id-Diretturi, l-Uffiċjali u l-Azzjonijiet fuq il-kumpaniji.

Hu qal li l-iskop tal-Gvern permezz ta’ dawn l-emendi hu biss li jdaħħal aktar serjetà f’dan is-settur tant importanti għal pajjiżna.