Lokali

Il-Ministru jkompli jiddefendi s-sistema fil-ħabs

Minkejja dak kollu li qed joħrog dwar it-tmexxija tal-Ħabs, il-Ministru Byron Camilleri qed jibqa’ jiddefendi lil Alex Dalli.

Storja li dehret fil-gazzetta ‘Illum’ tal-Ħadd tkompli totħroġ fid-deher sensiela ta’ stejjer dwar Alex Dalli li ma jaqtgħu xejn… minn intervisti ma’ eks priġunieri, sa qraba ta’ priġunieri li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs jew saħansittra oħrajn li huma qraba ta’ nies li tilfu ħajjithom fil-ħabs… kollha stejjer li b’xi mod jitfgħu dell ikrah fuq il-mod ta’ kif imexxi Dalli.

L-aħħar minn din is-sensiela, tgħid li Alex Dalli spiss jgħid; “Hawn ġew jien Alla. Isir dak li ngħid jien”… kliem li allegatament juża kemm mal-priġunieri kif ukoll mal-gwardjani.

Fid-dawl ta’ din l-aħħar storja dwar Alex Dalli, staqsejna lill-Ministru Byron Camilleri li taħtu taqa’ t-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, jekk wasalx iż-żmien li l-Ministru jieqaf jiddefendi lill-Kurunell u jieħu azzjoni. Bil-Ministru jibqa’ jiddefendi s-sistema tal-ħabs u din id-darba saħaq li f’Kordin hemm l-ordni. Kliem li juri li għal darb’oħra, joħroġ x’joħroġ dwar Alex Dalli, il-Gvern Laburista se jibqa’ jkaxxkar saqajh u ma jieħu ebda azzjoni.

Intant, fl-aħħar jiem smajna kif l-Inkjesta Indipendenti li ħatar l-istess Ministru u li suppost kellha titlesta sal-bidu t’Ottubru, se tkun estiża b’xahrejn oħra. Meta mistoqsi dwar dan, mingħajr ma ta dettalji ta għalfejn intalbet din l-estenzjoni, il-Ministru Camilleri saħaq li l-bord talab għall-estensjoni għaliex hemm bżonn li jsir aktar xogħol.