Internazzjonali

Il-Pandora Papers komplew jikxfu fatti ġodda

L-għada li ġew żvelati il-Pandora Papers, tmien pajjiżi diġa’ iddikjaraw li se jinvestigaw b’mod immedjat l-akkużi serjissimi li qed isiru… u l-fatti li joħorġu minn dawn id-dokumenti.

Skont il-media internazzjonali, il-Pakistan, il-Messiku, Spanja, il-Brazil, is-Sri Lanka, l-Awstralja u l-Panama diġa’ sostnew li qed iħejju biex jappuntaw inkjesti. Anke l-Gvern Ingliż se jidħol fid-dettalji li ħarġu minn dawn il-Pandora Papers.

Dan il-leak ta’ dokumenti fih xejn anqas minn 12-il miljun file, bid-data issemmi politiċi bhal Tony Blair, ir-Re tal-Ġordan, il-President Russu Vladimir Putin u l-familja tal-President tal-Kenja.

Il-leak jirreferi wkoll għall-eks Kummissarju Ewropew John Dalli, illi kellu kumpanija offshore fil-British Virgin Islands mingħajr ma qatt iddikjaraha fid-dikjarazzjoni tal-assi bħala Membru Parlamentari.

Id-data kollha li ħarġet grazzi għall-ħidma tal-ICIJ fakkret lil ħafna fil-famużi Panama Papers li ħarġu ħames snin ilu – dokumenti li kienu kixfu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri; fatti li kienu ġew żvelati xhur qabel dan il-leak, grazzi għall-ħidma tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.