Lokali

Il-Pulizija taqbad 5kg droga kokaina – tliet persuni arrestati

RITRATT: Uffiċċju Komunikazzjoni - Korp tal-Pulizija

Wara diversi ġimgħat ta’ investigazzjonijiet u osservazzjonjiet fuq persuni li jagħmlu parti
minn ċirku internazzjonali tat-traffikar ta’ droga, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga
arrestat tliet persuni u waslet ukoll għas-sejba ta’ madwar ħames kilogrammi droga suspettata
kokaina, b’valur fit-triq ta’ kważi €600,000.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-ewwel arrest sar is-Sibt, fejn mara Spanjola ta’ 20 sena kienet arrestata fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mal-wasla tagħha minn Madrid u fil-pussess tagħha nstabet sustanza suspettata
kokaina.

Il-ħidma kompliet matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd u wara osservazjonijet fuq raġel ta’ 30 sena minn Venezwela, u li kien għadu kemm jasal Malta b’titjira minn Madrid ukoll, ġie segwit sa appartament fl-Imsida u eventwalment arrestat.
L-investigazzjonijiet issoktaw b’osservazzjoni fuq lukanda f’San Ġiljan u lbieraħ ġie arrestat raġel Spanjol ta’ 38 sena fejn instabet aktar droga suspettata kokaina.

Il-Maġistrat Elaine Mercieca qed tmexxi inkjesta Maġisterjali filwaqt li ż-żewġt irġiel u l-mara mistennija jitressqu l-Qorti t-Tnejn filgħodu quddiem Il-Maġistrat tal-Għassa Noel Bartolo. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.