Lokali Parlament

Jerġa’ jibda jitlaqqa’ l-Parlament wara l-vaganzi tas-sajf

Tard ilbieraħ waranofsinhar reġa’ beda jitlaqqa’ l-Parlament wara l-vaganzi tas-sajf fejn għal darb’oħra rajna lil Ministri tal-Gvern mhux preżenti fil-Kamra biex iwieġbu l-Mistoqsijiet Parlamentari mpoġġija lilhom mid-Deputati tal-Oppożizzjoni.

Fil-fatt fis-Seduta tal-bieraħ tliet Ministri – Edward Zammit Lewis, Evarist Bartolo u Justyne Caruana – ma kenux preżenti u meta wieġeb il-Mistoqsijiet Parlamentari f’isimhom il-Ministru Carmelo Abela, dan ħarab milli jwieġeb u talab lid-Deputati tal-Oppożizzjoni biex jagħmlu l-Mistoqsijiet tagħhom lill-Ministri konċernati.

Sadattant fil-bidu tas-Seduta tal-bieraħ l-Ispeaker Anġlu Farrugia poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra korrispondenza li s-Sedja rċeviet mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield dwar it-tlaqqigħ b’urġenza tal-Parlament, u r-risposta tas-Sedja lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Tpoġġa wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-Ombusplan għas-sena 2022. Dan wara li dan l-Ombusplan kien ippreżentat lill-Ispeaker mill-Ombudsman fl-14 ta’ Settembru li għadda.

L-Ispeaker poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra wkoll l-Estimi tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għas-Sena 2022 li ngħataw lill-istess Speaker fil-15 ta’ Settembru 2021; Ċertifikat li l-Kawża deċiża fl-20 ta’ Meju 2021 fil-Qorti Ċivili Prim Awla (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali) fl-isem ta’ Emanuel Buhagiar vs Avukat tal-Istat u Maria Concetta Azzopardi (Rikors Nru 147/20TA) ma ġietx appellata u r-Rapport aAnnwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal għas-sena 2020.

Fuq il-Medja tal-Kamra tpoġġa wkoll ir-Rapport Annwali 2020 tal-NSO; il-Programm ta’ Ħidma 2021-23 tal-NSO; ir-Rapport Annwali tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma għas-sena 2020; ur-Rapport Annwali tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Harsien Soċjali għas-sena 2020.

Barra minhekk fil-bidu tas-Seduta ż-żewġ naħat tal-Kamra wasslu l-kondoljanzi tagħhom lill-Ispeaker Anġlu Farrugia wara t-telfa ta’ ommu Catherine Farrugia li mietet fis-6 ta’ Settembru 2021.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li hu kien iltqajt magħha fi ftit okkażjonijiet iżda hu kien sema’ diversi stejjer li kienu juru bl-aktar mod ċar li għal din l-omm il-prinċipju tal-imħabba kien wieħed mill-aktar importanti; kienet mara li kien jimpurtaha min-nies ta’ madwarha.

“Il-mama tiegħek kienet toħroġ għonqha u tipprietka t-twemmin tagħha. Kienet magħrufa li tieħu l-mediċini fid-djar tan-nies… u lin-nies batuti ma kenitx iżżommilhom flus. Il-mama tiegħek kienet mara li kienet tgħin ħafna lil ħaddieħor,” temm Chris Fearne.

Ma’ dawn il-ħsibijiet ingħaqad ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li qal li għalkemm hu ma kienx jafha, iżda jiftakar tajjeb li darba kien iltaqa’ magħha u kienet laqtitu ħafna t-tbissima tagħha.

”Kjienet tbissima partikulari li tolqot lin-nies. Tbissima li tixhed il-ġenwinità tal-persuna u l-qalb it-tajba ta’ din il-persuna. Kienet persuna tal-affari tagħha. Omm li rabbiet familja kbira ta’ ħamest ulied u li fihom rawmet element ta’ ġentilezza,” wieġeb Bernard Grech.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia rringrazzja liż-żewġ naħat tal-Kamra għall-kondoljanzi tagħhom u qal li iva ommu kienet tgħin ħafna lin-nies, irrispettivament minn kull politika u reliġjon. Kienet mara pożittiva li għaliha l-familja kien ifisser kollox.

“Ommi kienet mara pożittiva ħafna u kienet ħadet sehem attiv biex ressqet qrib lill-Partit Laburista u lill-Knisja fit-taħditiet li kien ikun hemm bejniethom fi żmien il-kwistjoni tad-Dnub il-Mejjet. Hi dejjem ħadmet għall-paci.

Wara l-Kamra approvat mill-Ewwel Qari l-Abbozz ta’ Liġi li jwaqqaf l-Att għat-Twaqqif ta’ Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannibis.

Imbagħad il-Kamra bdiet tiddiskuti fl-istadju tat-Tieni Qari emendi għall-Abbozz dwar l-Att dwar ir-Reġistru tal-Kumpaniji.