Edward Zammit Lewis, Evarist Bartolo u Justyne Caruana lbieraħ filgħaxija kienu nieqsa mill-Parlament meta l-Parlament reġa’ beda jiltaqa’ wara l-vaganzi tas-sajf. Dan kien ifisser li kif kien jiġri qabel mal-Parlament aġġorna għall-vaganzi tas-sajf, għal darba oħra Mistoqsijiet Parlamentari tal-Oppożizzjoni ma kienux imwieġba.
L-Oppożizzjoni permezz tal-Whip Robert Cutajar u d-Deputati Karol Aquilina u Jason Azzopardi pprotestaw mas-Sedja għal dan l-atteġġjament tal-Gvern li jaħrab u jagħmel minn kollox biex il-Ministri ma jweġbux il-Mistoqsijiet Parlamentari li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħhom. Huma qalu li dan hu inaċċettabbli f’soċjetà demokratika bħal Malta.
Għal dan wieġeb id-Deputat Laburista Glen Bedingfield li qal li l-Ministri Edward Zammit Lewis u Evarist Bartolo kienu msiefra, filwaqt li l-Ministru Justyne Caruana kienet indisposta.
Sadattant meta f’mument minnhom kienet se titpoġġa Mistoqsija Parlamentari dwar Għawdex, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri bewweċ lil hinn mill-Kamra biex hekk evita l-Mistoqsija Parlamentari li kienet se titressaq lilu.
Fost l-oħrajn ilbieraħ fil-Parlament saret insistenza mid-Deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Jason Azzopard dwar x’qed jiġri fil-Qrati Maltin, fosthom fil-Qorti ta’ Għawdex fejn bħalissa l-Avukati li jservu fil-Qorti ta’ Għawdex jinsabu fuq strajk u hekk is-Seduti ma humiex isiru.
Id-Deputati Nazzjonalisti staqsew kif il-Gvern waqqaf Aġenzija dwar il-Qrati biex suppost l-affarijjiet jimxu aħjar, iżda fil-verità hemm skuntentizza kbira fost il-ħaddiema tant li bosta minnhom jew telqu jew qed iħejju biex jitilqu.
Huma insistew mal-Gvern biex jagħti spejga dettaljata tas-sitwazzjoni x’inhi għaliex ma jistax ikun li f’pajjiżna jkollna kroll tas-sistema ġudizzjarja.
//= $special ?>

