Sport Sport Ieħor

Qormi Daikin ikunu l-protagonisti fi tmiem il-ġimgħa

Iċ-champions tal-hockey lokali Qormi Daikin kienu l-protagonisti prinċipali f’dan tmiem il-ġimgħa ta’ logħob hekk kif irreġistraw rebħa kbira ta’ 14-0 kontra Rabat. Mill-banda l-oħra kellna dro eċitanti ta’ 3-3 bejn Gree Sliema Hotsticks u Floriana Young Stars filwaqt li f’logħba mill-kampjonat ta’ taħt it-18-il sena, Qormi kisbu rebħa ta 7-1 kontra Sliema.

Dan kien ir-ritorn tal-kampjonat nazzjonali tal-hockey li kien ilu wieqaf sa minn Marzu li għadda wara r-restrizzjonijiet minħabba l-COVID-19. Fil-fatt l-assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey għamlet eżerċizzju ta’ konsultazzjoni sabiex tiġi magħrufa t-triq ‘il quddiem u għalhekk ġie deċiż li jitkompla l-kampjonat li kien wasal fit-tieni rawnd tiegħu.

Kif għedna, Qormi Daikin kienu wisq superjuri għal Rabat tant li rebħulhom 14-0. Għall-Qriema Keith Bajada u Steve Tanti kienu strumentali meta skorjaw tliet gowls kull wieħed, Matthijs Bartelts wettaq doppjetta filwaqt li John Williams, Ayrton Falzon, Steve Portelli u Daniel Ellul ukoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Umpires kienu Nathan Galea u Karl Chircop

Min-naħa l-oħra kellna dro emozzjonanti ta’ 3-3 bejn Trust Payments Floriana Young Stars u Gree Sliema Hotsticks. Kienet logħba ta’ botta u risposta, ferm akkanita u bir-riżultat inċert sal-aħħar. Għal Young Stars Luke Borg Costanzi skorja żewġ gowls filwaqt li Deemer Rapinett żied gowl ieħor. Sliema sabu x-xibka permezz ta’ Silas Plaehn, Julian Zahra u Luke Brincat.

Umpires kienu Shawn Mifsud u Andre Ghio.

Fil-klassifika ġenerali, Qormi Daikin jinsabu fl-ewwel post b’14-il punt, segwiti minn Sliema Hotsticks li għandhom 11-il punt. F’nofs il-klassifika hemm Floriana b’disa’ punti, b’Rabat li għandhom tliet punti u White Hart fl-aħħar post b’punt wieħed biss.

Matul dan tmiem il-ġimgħa kompla wkoll il-kampjonat ta’ taħt it-18-il sena fejn Qormi Daikin għelbu lil Gree Sliema 7-1. Bajada skorja hat-trick għar-rebbieħa, Montebello kien awtur ta’ doppjetta b’Genovese u Spiteri jkabbru l-iskor għal 7-1. Newell naqqas il-marġni tal-iskor għal Sliema.

Umpires kienu Karl Chircop u Edward Hughes.