Wara l-iskandlu tal-proprjetà fl-Imdina… iD-deputat Ian Castaldi Paris jinsab taħt il-lenti tal-awtoritajiet fiskali tar-Renju Unit… Rosianne Cutajar qed tgħid li “il-verità qed toħroġ ftit ftit”, filwaqt li sħabhom ma jridu jkollhom x’jaqsmu xejn ma’ dan il-każ li kulma jmur qed ikompli jikkomplika ruħu.
Hija din is-sitwazzjoni ta’ glied intern li sab ruhu fiha l-Partit Laburista wara li fl-aħħar xhur inkixfu chats sigrieti bejn id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech – kif ukoll chats separati bejn Castaldi Paris u l-istess Fenech. B’Cutajar tgħid li issa qed toħroġ il-verità.
Ftit tal-minuti qabel wasalna barra l-Parlament, ħarġet l-aħbar illi għajnejn l-awtoritajiet Ingliżi jinsabu fuq Castaldi Paris. Dan hekk kif id-Dipartiment tat-Taxxa f’pajjiżna talab lill-Awtoritatjiet tat-taxxa tar-Renju Unit sabiex jgħaddu l-informazzjoni kollha li għandhom dwar id-Deputat Laburista Ian Castaldi Paris.
Ftit tal-jiem ilu ħarġet l-aħbar illi Castaldi Paris – ġimgħat biss qabel l-arrest ta’ Yorgen Fenech – kien għadu qed jikkomunika f’chats mal-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. F’dawn iċ-chats, Castaldi Paris jiftaħar dwar propjetajiet li qal illi għandu f’Londra fi żmien meta ma kienx għadu sab postu fil-Parlament; propjetà li tiswa 16-il miljun sterlina.
Id-Deputat Laburista stqarr li dan kien biss bluff minn naħa tiegħu. Għalhekk, saqsejna lil shabu jekk din saritx xi drawwa li jibblafjaw fuq kollox…u kemm nistgħu noħduhom bis-serjetà…. imm ħadd ma ried jikkummenta.
Pruvajna nieħdu wkoll il-kummenti ta’ Ian Castaldi Paris dwar dan kollu li qed joħroġ. Però, id-Deputat Laburista ħarab mid-domandi ta’ Net News.