Lokali Qorti

30 xahar ħabs fuq theddid fil-konfront ta’ ommu li tagħtu €28,000 għad-droga

Żabbari ta’ 35 sena ġie kkundannat 30 xahar ħabs għal mod kif kien jaġixxi ma’ ommu fejn kien jikkaġunalha biża jekk ma tagħtihx il-flus għad-droga. Mill-provi rriżulta li hija tagħtu madwar €28,000 li kienet wirtet. Jekk ma kinitx tissodisfah, binha kien jheddida.  

Ir-raġel li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti biex tiġi protetta l-vittma, għamel il-ħajja ta’ ommu infern wara li l-vizzju tad-droga rikbu. Fil-qorti ħareġ li l-omm li għandha 65 sena u tgħix b’pensjoni tar-romol, spiċċat nieqsa mill-aktar l-oġġetti essenzjali tal-ħajja wara li binha kien jitlobha d-daqsxejn ta’ pensjoni li kellha.

L-Ispettur Audrey Micallef li f’April li għadda akkużatu lik beżża’ lil ommu, taha fastidju, żammha kontra r-rieda tagħha, heddidha u inġurjaha. Huwa kien mixli wkoll li m’obdiex l-ordnijiet leġittimi ta’ żewġ surġenti tal-Pulizija.

Ir-raġel ammetta l-akkużi kollha miġjubin kontrih u meta ġiet biex tagħti s-sentenza l-Maġistrat Marse-Ann Farrugia semgħet, fost oħrajn, lil ommu tgħid li kienet qed taħfirlu. Fix-xhieda tagħha l-omm qalet li kienet tgħix bil-pensjoni żgħira tar-romol.

Qalet li binha kien il-ħin kollu jitlobha l-flus u meta ma kienx ikollha x’tagħtih, kien jirrabja u jaqbad ikisser kulma jiġi għal idejh. L-omm stes qalet lill-Qorti li tatu €28,000 li wirtet mingħand omm ir-raġel.

Meta kienet twissih li se tkellem lil ħutu, kien jheddidha li se tkisser familja. Il-mara spiċċat tgħix f’xelter u meta marret lura f’darha sabet ħerba sħiħa għax biegħ u kisser l-affarijiet. Hija rrapportata lill-pulizija wara li ħareġ mill-ħabs u reġà qabad il-vizzju tad-droga li kien ilu bih għal dawn l-aħħar 20 sena.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qieset l-fatt li l-akkużat kien diġà nstab ħati ta’ diversi reati marbuta mad-droga u kellu 17-il rapport dwar nuqqas ta’ mġiba tajba fil-ħabs. Qalet li kellha d-dmir tħares lil omm minn dan il-każ ta’ vjolenza domestika kontinwa minn binha u minbarra li kkundannatu 30 xaħar ħabs, rabtitu b’kundizzjoni għal sena li meta joħroġ mill-ħabs ma jdejjaqhiex inkella jeħel multa ta’ €1,000.