L-Oppożizzjoni mhux konsultata fit-tfassil għall-iStrateġija Nazzjonali dwar ix-Xogħol
L-Oppożizzjoni ma tistax ma tesprimix id-diżappunt kbir tagħha għall-fatt li l-Gvern, permezz tal-Ministru tal-Finanzi, ma ġabx l-interess nazzjonali l-ewwel, ma żammx kelmtu billi ma kkonsultax mal-Oppożizzjoni fit-tfassil għall-iStrateġija Nazzjonali dwar ix-Xogħol.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għax-Xogħol, Taħriġ Kompettività u IntrapriżaKulhadd għandu jkun jaf li l-Oppożizzjoni kienet aċċettat l-istedina tal-Ministru tal-Finanzi fis-27 ta’ Jannar li għadda għat-tnedija tal-proċess ta’ konsultazzjoni ta’ din l-istrateġija li hija tant essenzjali għall-pajjiżna.
Minn dakinhar ‘l hawn, il-Ministeru tal-Finanzi, li dakinhar kien ħabbar li ħa jniedi “proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ ħafna ma’ ‘l fuq minn 200 entità differenti”, injora għal kollox lill-Oppozizzjoni.
Il-Gvern li jgħid li jisma’ ma sabx ir-rieda jikkonsulta mal-Oppozizzjoni fuq xi ħaġa tant għażiża għalina lkoll. Il-Ministru tal-Finanzi huwa l-moħħ wara l-importazzjoni bla pjan ta’ eluf kbar ta’ ħaddiema baranin sa mill-2014.
Il-Ministru Caruana kienet priorita assoluta għalih li jibni ekonomija fuq ic-cheap labour, fuq kundizzjonijiet ta’ xogħol prekarju, fuq ekonomija bla ruħ fejn il-ħaddiema huma stmati ta’ oġġett flok ta’ bnedmin b’dinjitá, fejn l-abbuż tal-ħaddiema sar in-norma, u wassal ‘l ħaddiem Malti jagħżel bejn li jispiċċa bla xogħol jew xogħol b’kundizzjonijiet li jħalluh fil-faqar jew f’xifer il-faqar. Mhux ta’ b’xejn il-Gvern tal-Ministru Caruana fl-aħħar tmien snin daħħal mal-20,000 ħaddiem mal-Gvern għax qata’ qalbu li joħloq xogħol ta’ kwalitá li jrendi għalina lkoll.
Dan il-Ministru tax-Xogħol huwa l-Ministru li beża’ milli jiltaqa’ u ħarab mill-Oppożizzjoni fuq suġġett tassew nazzjonali u minflok irendieh proċess taparsi ta’ konsultazzjoni “nazzjonali”.
Huwa għalhekk li l-Oppożizzjoni dalgħodu ma attenditx għat-tnedija ta’ proċess li suppost kellu jkun nazzjonali iżda ma kienx għax il-Ministru ma riedx li jisma’ il-veritá li kienet ser tgħidlu l-Oppożizzjoni dwar is-suq tax-xogħol, li l-policies tiegħu kissru u faqqru.
Il-Ministru Caruana jgħid ħaga imbagħad jagħmel mod ieħor.
//= $special ?>