Hu sabiħ li terġa’ tara lill-istudenti miġburin fil-Kampus tal-Università biex, filwaqt li jkomplu jtejbu l-abbiltajiet akkademiċi tagħhom, jgħixu dak li aktarx se jkun wieħed mill-isbaħ perjodi ta’ ħajjithom.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fi tmiem żjara fost l-istudenti Universitarji, hekk kif f’dawn il-jiem qed tkun organizzata l-Freshers’ Week. Matul dawn il-jiem, l-istudenti l-ġodda jkollhom l-opportunità jifhmu aħjar il-ħajja fuq il-Kampus, fejn ikunu se jgħaddu s-snin li ġejjin.
Waqt li kien qed iżur l-istands tad-diversi organizzazzjonijiet ta’ studenti u kumpaniji li jappoġġjaw din l-attività, l-istudenti nfushom spjegaw lil Bernard Grech il-ħidma tagħhom, fosthom anke l-attivitajiet biex il-membri tagħhom jissoċjalizzaw aktar.
Akkumpanjat mill-Kelliem għall-Edukazzjoni Clyde Puli, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Bernice Bonello u l-President ta’ TeamStart Eve Borg Bonello, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll fil-ħidma tal-Partit immexxi minnu biex l-edukazzjoni tibqa’ tingħata prijorità, bil-mira li ulied kull wieħed u waħda minna jirnexxu lkoll.
Bernard Grech qal li, anke bħala missier hu stess, fix-xhur li għaddew ħass għafsa ta’ qalb jara li uliedu ma jistgħux jattendu fiżikament għal-lectures. U għalhekk, hu impotanti li d-deċiżjonijiet jittieħdu bil-benessere tal-istudenti tagħna f’moħħ l-awtoritajiet.
//= $special ?>