Edukazzjoni Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-edukaturi kollha fil-Jum Internazzjonali ddedikat lill-għalliema

Il-Partit Nazzjonalista jsellem u jagħti r-rispett dovut lill-edukaturi kollha fil-Jum Internazzjonali ddedikat lill-Għalliema. F’wiċċ ċirkostanzi diffiċli għalihom, l-għalliema urew professjonalitá kbira meta għamlu minn kollox biex xorta jipprovdu l-aqwa edukazzjoni possibli għal uliedna.

Fi stqarrija il-Kelliem għall-Edukazzjoni Clyde Puli saħaq li f’dan il-Jum speċjali iddedikat għalihom, il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mall-Unesco u l-ILO u jikkommetti ruħu li jipprioritizza l-professjoni tal-edukatur billi jżid l-investiment fihom bħala l-pilastru ewlieni ta’ strateġija li tfittex l-aqwa edukazzjoni ta’ kwalitá għal uliedna. Edukaturi professjonali u mmotivati huma ċ-ċavetta għall-edukazzjoni ta’ kwalitá għal uliedna.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni l-wegħda tiegħu li huwa se jżid is-salarji u l-inċentivi tal-edukaturi biex jattira aktar nies kwalifikati lejn il-professjoni filwaqt li jżomm fis-sistema edukattiva lil dawk l-għalliema t’esperjenza. B’hekk ukoll nindirizzaw il-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema li għandna bħalissa. Il-Partit Nazzjonalista jtenni wkoll li se jżid it-teknoloġija għall-għalliema u t-tfal kollha filwaqt li jżid il-professjonisti fl-iskejjel biex jgħinu lill-għalliema jilħqu li tfal bi sfidi psikoloġiċi, emozzjonali u soċjali.  Hekk biss nistgħu nassiguraw li uliedna jirnexxu lkoll u li finalment ninqalgħu mill-agħar postijiet tal-early school leavers u kejl internazzjonali ieħor.

Il-Partit Nazzjonlista jinsab mħasseb bis-sitwazzjoni preżenti fejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħareġ mandat ta’ inibizzjoni minflok stinka biex jiddjaloga u jimmotiva lill-għalliema fl-aħjar interess tal-istude​nt.

Il-Partit Nazzjonalista jinsab wara l-għalliema u l-istudenti u jerġa’ jsejjaħ għal djalogu kostruttiv biex tissolva s-sitwazzjoni.