Lokali

It-tmexxija tal-PBS tiddetta l-aġenda tal-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti

Min jipproduċi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti fuq ix-Xandir tal-Istat ġie ordnat mit-tmexxija sabiex jinfurmaha minn ġimgħatejn qabel dwar is-suġġetti li se jkunu qed jitkellmu dwarhom.

Sorsi ma’ Net News saħqu li jekk se tippjana programm ta’ ġrajjiet kurrenti minn 15-il jum qabel qisek qed tippjana ġurnata sick leave daqslikieku kienet jum vaganza.

Dan wara li ċ-Chairman tax-Xandir tal-Istat Mark Sammut informa lill-producers li qabel ma jfasslu l-programm għandhom jinfurmaw lit-tmexxija..b’effett immedjat.

Ġie spjegat li l-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tax-Xandir tal-Istat, Norma Saliba, għandha tkun infurmata bid-dettalji kollha – jiġifieri – is-suġġett u l-mistiedna fil-programm.

Ritratt: Times of Malta

Bosta saħqu mal-ġurnal Times of Malta li issa fil-PBS daħal element qawwi ta’ ċensura u li jekk programm ta’ ġrajjiet kurrenti jkun preparat 15-il jum qabel…jitlef l-iskop kollu tiegħu.

Dan kollu fid-dawl li l-Partit Nazzjonalista ilu diversi ġimgħat jisħaq li x-Xandir Pubbliku mhux imparzjali u spiċċa jmexxi propaganda sfrenata tal-Gvern tal-Labour.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li l-PBS jinsab maħtuf għal kollox mill-kuriduri ta’ Kastilja u għaldaqstant il-pubbliku mhux qed jiġi infurmat b’mod ġust u ekwu.

Intant tul il-jum tat-Tlieta, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, appella lill-Awtorità tax-Xandir sabiex tiżgura li jkun hemm imparzjalità fix-Xandir tal-Istat – partikolarment fl-aħbarijiet ta’ TVM u TVMNEWS+.