Ekonomija Lokali

L-istrateġija tax-xogħol ma tidentifika l-ebda settur ġdid

L-Istrateġija tal-Gvern għas-Suq tax-Xogħol ma tinkludi l-ebda qasam ġdid li jista’ jkun żviluppat biex tikber l-ekonomija ta’ pajjiżna.

Filwaqt li elenka dawk li huma l-isfidi fil-qasam tax-xogħol bħalissa, id-dokument preżentat bħala parti mill-istrateġija tal-Gvern huwa nieqes minn ideat ta’ impjiegi ġodda.

Dan minkejja li l-Ministru Clyde Caruana ftit tal-ġranet ilu kien iddikkjara li pajjiżna jeħtieġ li ma jibqax jiddependi fuq il-bini biex ikabbar l-ekonomija tiegħu.

Fid-diskors tiegħu tul it-tnedija ta’ din l-istrateġija madankollu… Clyde Caruana sab il-ħin jitfa’ botta ħelwa lill-Ministru sieħbu Silvio Schembri dwar it-tfanfir li kellu f’qasam li baqa’ ma ssarraf f’xejn.

“NITKELLMU ĦAFNA BĦALA POLTIĊI U ANKE XI AKKADEMIĊBIEX NIDHRU SBIEĦ…DWAR IL-GREEN ECONOMY, L-ARTIFICIAL INTELLIGENCE… IL-BLOCKCHAIN… U ELF ĦAĠA OĦRA

Business Breakfast li tulu Stephanie Fabri preżentat ir-riżultat ta’  stħarriġ ikkummissjunat miill-Gvern fit-tfassil tal-istrateġija tal-Gvern għax-xogħol xeħet dawl fuq dawk li huma l-akbar sfidi f’dan il-qasam.

Filfatt ħareġ li kważi 90% tal-ħaddiema b’paga medja f’pajjiżna jemmnu li d-dħul taghhom mhuwiex biżżejjed biex il-familja tagħhom tgħix ħajja komda.

Ħareġ ukoll li nofs il-ħaddiema li qed ifittxu biex jibdlu xogħolhom qed jgħidu li qed jagħmlu dan għal paga aħjar.

Waqt l-attività tkellem il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li madankollu ma semmiex xi strateġija se jkun qed jimplimenta l-Gvern biex jindirizza minnufih din is-sitwazzjoni u sabiex jara li jiżdiedu l-pagi f’pajjiżna.  Madankollu l-istess Ministru m’għamilx bħal sħabu li qed jippruvaw jikkonvinċu lill-poplu li l-għoli tal-ħajja hi xi tip ta’ perċezzjoni jew ħrafa.

“TĦOSS LI L-GĦOLI TAL-ĦAJJA HI REALTÀ LI QED JGĦIXU ĦAFNA FAMILJI?”

QATT MA NNEGAJTHA….JIENA NGĦIX FID-DINJA BĦAL KWALUNKWE ĦADDIEĦOR UMMUR NIXTRI MIS-SUPERMARKET U NINNOTA IVA LI ĊERTU AFFARIJIET GĦOLEW FIL-PREZZ ”

Caruana ma caħadx lanqas dak li qalulu l-imsieħba soċjali…jiġifieri li fix-xhur li ġejjin f’pajjiżna mistennija inflazzjoni qawwija.

Issemmiet ukoll il-possibilita li pajjiżna jmur għal ġimgħa ta’ xogħol ta’ erbat ijiem. Izda l-Ministru Caruana qal li pajjiżna għadu mhux lest għall-four day week mimħabba n-nuqqas ta’ ħiliet tal-ħaddiema Maltin.

L-istess stħarriġ tefa’ dawl fuq dik li hija l-isifida kbira li għandu pajjizna… jigifieri  l-edukazzjoni. Dan filfatt gie identifikat bhala l-aktar fattur li qed jeffettwa b’mod negattiv il-qasam tax-xoghol.

L-istħarriġ juru li wieħed minn kull tliet ħaddiema f’pajjiżna għandu ħiliet baxxi.

Staqsejna lill-Ministru Clyde Caruana l-Gvern kif beħsiebu jsolvi dil-problema, iżda l-Ministru qalilna li l-problema ma tissolva bil-bini ta’ skejjel ġodda.

“BIEX INSOLVU U NINDIRIZZAW DAK LI GĦANDNA QUDDIEMNA MHUX KWESTJONI LI NIBNU AKTAR SKEJJEL IMMA RRIDU NARAW LI L-INVESTIMENT LI QED NAGĦMLU LI HU L-OGĦLA FL-EWROPA JTINA AKTAR RENDIMENT”

Ammissjoni mill-Ministru stess li l-Gvern qed ifalli f’dik li hi edukazzjoni… minkejja n-nefqa li qed issir.

Pajjiżna għandu l-ogħla rata ta’ żgħazagħ ta’ 15 u 16-il sena li jieqfu jistudjaw mill-pajjiżi kollha tal-UE…. Fatt li jistona ma’ pajjiżi bħall Irlanda… pajjiż li jista’ jitqabbel sew ma tagħna… u fejn il-medja tal-età li jieqfu jistudjaw iż-żgħazagħ hi ta’ 20 sena… 4 snin aktar mill-medja ta’ Malta.

Caruana mhuwiex konvint lanqas li l-edukazzjoni obbligatorja sa’ 18-il sena tista’ tgħin issolvi l-problemi ta’ nuqqas ta’ ħiliet.

Intant staqsejna wkoll dwar x’qed jistenna mill-FATF fil-jiem li ġejjin meta aktar tard dax-xahar jiltaqa’ biex jirrevedi l-greylistng ta’ pajjiżna… iżda l-Ministru kien ċar ħafna meta qalilna li mhux qed jistenne tibdil fr-ranging ta’ pajjiżna… jiġifieri pajjiżna għalissa se jibqa’ greylisted.

Ta’ min wieħed jinnota li minkejja li l–Gvern qal li sabiex tnedied din l-istrateġija huwa kkonsulta mal-partijiet kollha…. jidher li għal xi raġuni nesa jinkludi lill-Partit Nazzjonalista f’din il-konsultazzjoni.