Lokali Qorti

Mhux milqugħa talba għall-estradizzjoni ta’ Malti lejn l-Italja fuq 10 tunnellati kannabis

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke ma laqgħetx it-talba tal-awtoritajiet Taljani biex Paul Attard, Malti ta’ 43 sena, residenti r-Rabat jiġi estradiet lejn l-Italja biex jaffaċċja akkużi dwar traffikar ta’ 10 tunnellati reżina tal-kannabis. Il-każ seħħ f’Ġunju tal-2018 meta l-Guardia di Finanza ta’ Palermo waqqfet dgħajsa li kellha bandiera Olandiża f’ibħra internazzjonali. Id-dgħajsa li fuqha nqabdet id-droga telqet minn Malta fuq vjaġġ allegatament ogranizzat minn Attard.

Fuqha kien hemm ukoll disa’ persuni fosthom Attard li ġew arrestati u ttieħdu lejn Katanja. F’Marzu ta’ sena wara huwa ġie interrogat f’Malta wara li nħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew. Il-Qorti tal-Maġistrtati kienet ċaħdet it-talba għall-estradizzjoni wara li rriżulta li l-mandat ma kienx konformi la mal-liġi Maltija u lanqas dik Taljana.

Kien għalhekk li xahar wara l-awtoritajiet Taljani ħarġu mandat ieħor. Huwa reġa’ ġie arrestat fis-6 ta’ Settembru li għadda u bdew proċdeturi kontrih. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Clarke kkonkludiet li mill-provi li tressqu quddiemha m’hemm ebda indikazzjoni li d-droga interċettata fuq id-dgħajsa kienet se tiġi traffikata fl-Italja u lanqas f’Malta.

Fit-13 ta’ Ġunju ta’ sentejn ilu l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kienet diġa ddeċidiet li r-aġel Malti mfittex mill-investigaturi tal-pulizija fl-Italja ma kellux jiġi estradit. Dan wara li nstab li d-dokumentazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Taljani għall-arrest tiegħu kienet difettuża.

Huwa ġie arrestat fuq ’Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ mill-Giudice per gli Indagini Preliminari fit-2 ta ’Mejju, 2019. Attard kien argumenta fil-qorti li l-Mandat ta ’Arrest Ewropew ma jikkonformax mal-formalitajiet stabbiliti minn Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-UE tal-2002.

Il-Maġistrat Frendo Dimech kienet osservat li l-awtoritajiet Taljani telqu mhux biss mil-liġi tal-UE iżda wkoll mil-leġiżlazzjoni nazzjonali relattiva. Attard kellu raġun jilmenta dwar il-mod li bih it-Taljani għamlu t-talba tagħhom lill-istat Malti, irrimarka l-Maġistrat, filwaqt li osservat wkoll li kien hemm diskrepanzi fid-dejta dwar il-post fejn saret l-allegata attività kriminali.

Għal darba oħra ġie konkluż li ma kienx hemm raġuni valida li fuqha kellha taċċetta t-talba għall-estradizzjoni u ordnat ukoll li Attard jinħeles.