Il-President tar-Russja Vladimir Putin, il-President tal-Ażerbajġan Aliyev u r-Re Abdullah tal-Ġordan huma fost l-ismijiet li ssemmew bi prominenza fil-leaks dwar il-flejjes moħbijin tal-aktar nies influwenti fid-dinja. Dan meta bħalissa, qegħdin joħorġu stqarrijiet ta’ ċaħda dwar sehem f’aġir illegali mill-mexxejja implikati.
Id-data inkwistjoni nkisbet mill-ICIJ ibbażat f’Washington …. li kien qed jikkollabora ma’ ‘il fuq minn 140 organizzazzjoni tal-media f’din l-investigazzjoni fuq skala globali.
Vladimir Putin insista li hu ma għamel xejn ħażin… waqt li kelliema għall-Monarkija fil-Ġordan sostnew li l-fatt li r-Re Abdullah għandu l-proprjetà barra pajjiżu, ma jfissirx li hu qed jikser il-liġi.
Il-leaks juru li Abdullah nefaq ‘il fuq mill-ekwivalenti ta’ 70 miljun Sterlina fuq imperu ta’ proprjetà’ fir-Renju Unit mindu ħa l-poter f’pajjiżu fl-1999. Hu ma żvela qatt li kien qed jinvesti f’din il-proprjetà u kien biss fl-aħħar sigħat li dan sar magħruf permezz tal-Pandora Papers.
Isem il-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev, ukoll jispikka sew fil-files….. meta qraba tiegħu, flimkien ma’ assoċjati tal-familja, kienu involuti minn taħt fl-akkwist ta’ proprjetà fir-Renju Unit li tiswa ‘il fuq minn 400 miljun Sterlina. Aliyev u nies oħra qrib tiegħu jidhru li qed jirrifjutaw li jwieġbu lill-ġurnalisti barranin li pruvaw jikkuntattjawhom fl-aħħar sigħat.
Qed ikun allegat ukoll li l-Prim Ministru Ċek, Andrej Babis naqas milli jiddikjara kumpanija offshore li ntużat għax-xiri ta’ żewġt idjar lussużi fi Franza. Babis, issa kiteb fuq Twitter, u qal li l-allegazzjonijiet huma ‘attentat biex jinfluwenzaw l-elezzjonijiet li se jsiru din il-ġimgħa f’pajjiżu’.
//= $special ?>