It-Tmexxija tat-Tajwan qed tħeġġeġ liċ-Ċina biex ma tkomplix ‘bl-azzjonijiet irresponsabbli’ wara li numru rekord ta’ ajruplani tal-gwerra taċ-Ċiniżi daħlu f’zona tad-difiża partikulari tal-istess Tajwaniżi.
L-inkursjoni tal-ajruplani, fl-aħħar sigħat, immarkat ir-raba’ jum ta’ azzjonijiet simili mill-qawwiet tal-ajru taċ-Ċina. Dan fost rapporti li f’dan il-perjodu talanqas 150 ajruplan ‘ta’ Beijing’ infiltraw iz-zona tal-ajru sensittiva tat-Tajwan.
L-analisti jemmnu li l-azzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala ‘twissija’ lill-President tat-Tajwan, Tsai Ing-wen, qabel dan il-pajjiż, nhar il-Ħadd, jiċċelebra l-jum nazzjonali tiegħu.
Iċ-Ċina tqis lit-Tajwan bħala provinċja ribelluża waqt li tirriserva d-dritt li tuża l-forza biex tieħu lura l-kontroll fuq dan il-pajjiż ‘f’każ li jkun neċessarju’. Dan meta t-Tajwan qed jinsisti dwar id-drittijiet tiegħu bħala Stat sovran u meta l-Istati Uniti hi impenjata biex tiddefendi lill-istess Tajwan kontra kull tip ta’ aggressjoni.
Min-naħa tagħha, Tsai Ing-wen qed twissi dwar ‘konsegwenzi katastrofiċi għall-paċi u d-demokrazija fl-Asja li kieku l-gżira-Stat li qed tmexxi kellha taqa’ f’idejn iċ-Ċina. Hi sostniet li sitwazzjoni bħal din tkun tfisser li ‘l-awtoritarjaniżmu ikun rebaħ fuq id-demokrazija fil-kuntest globali’.
Il-President tat-Tajwan, fl-istess ħin, għamlitha ċarta li għalkemm pajjiżha mhux qed ifittex konfrontazzjoni, il-Gvern tagħha se jagħmel kulma hemm bżonn biex jiddefendi l-interessi tat-Tajwaniżi kollha
Dan meta t-titjiriet tal-ajruplani militari taċ-Ċina fuq it-Tajwan jidhru li intensifikaw b’mod allarmanti wara sena sħiħa ta’ attivitajiet simili.
//= $special ?>