“Li kieku ma ġiex operat Hugo Chetcuti xorta waħda kien imut. Ma hemmx dubju li dan kien każ premeditat. L-akkużat ma kienx qed jiġi mhedded, anzi l-vittma kien fil-kumpanija ta’ ħuh u l-ħbieb tiegħu ipejjep sigarett. Il-mewt tiegħu seħħet minħabba d-daqqiet u l-ġrieħi li sofra bid-daqqiet ta’ sikkina. L-akkużat irid issa jieħu r-responsabbilità tal-azzjonijiet tiegħu”.
Dan qalu l-Avukat Kevin Valletta, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali meta kien qed ifiehem lill-ġurati dwar għaliex Bojan Cmelik qed jiġi akkużat bil-qtil tan-negozjant. Huwa qal li ma hemmx dubju li kien l-akkużat li wettaq dan il-delitt u li għandu jinstab ħati. Tenna li l-prosekuzzjoni għandha għadd ta’ xhieda li se jikkoncfermaw dan kollu. Huwa ħeġġeġ lill-ġurati biex ma jagħmluhiex ta’ prosekuturi, imma li joqgħodu fuq il-provi li jisimgħu.
Fl-ewwel ġurnata tal-ġuri tas-Serb mixli bil-qtil tan-negozjant Hugo Chetcuti quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja, fejn wara li ntagħżlu l-ġurati, disa’ li jridu jiddeċiedu l-każ u tlieta supplenti sarilhom ‘swab test’. Kif irriżulta li ħadd ma ttestja pożittiv, l-Imħallef Bugeja beda l-indirizz tal-bidu lill-ġurati fejn beda jispjegalhom x’għandhom iqisu u l-fatt li l-akkużat m’għandu l-ebda obbligazzjoni li jipprova l-każ, imma dan huwa kollu f’idejn il-Prosekuzzjoni. Il-każ kollu qed jinstema’ bil-lingwa Ingliża.
Bojan Cmelik ta’ 36 sena, qed jiġi akkużat li fis-sajf tal-2018 qatel lil Hugo Chetcuti, l-intraprenditur magħruf li kellu 52 sena. Chetcuti kien miet l-isptar wara li allegatament inqatel minn Cmelik, eks impjegat tal-Grupp Hugo’s, f’Paceville, f’Lulju 2018. Jekk jinstab ħati s-Serb qed jiffaċċa piena ta’ għomor il-ħabs.
Battikata lill-Pulizija biex jinqabad l-akkużat wara d-delitt
Xehed l-eks Spettur tal-Ispettur Nikolai Sant li mexxa l-investigazzjonijiet f’dan il-qtil. Huwa qal li għall-ħabta tal-10.30pm. ġie nfurmat li sar stabbing ġewwa Paċeville u li l-vittma kien fil-periklu tal-mewt. Sar magħruf li l-vittma kien Hugo Chetcuti, sid ta’ diversi clubs u ristorant. Huwa kien bilqiegħda fejn stabbiliment ma’ oħrajn u f’daqqa waħda mar persuna biex jgħannqu u tah żewġ daqqiet ta’ sikkina. Wara dan wara telaq jiġri. Kien hemm min ġera warajh imma ma rnexxielhomx jaqbduh.
Il-Pulizija bdiet tfittxija għas-suspettat fejn kienu infurmatu li s-suspettat ġera lejn Spinola u Old College Street f’San Ġiljan. Huma rawħ hemmhekk u kien spiċċa fejn is-Surfside. Kienu tilfuh għal xi ħin imma imbgħad rawh St. Rudolph Street, Sliema iżda minkejja li talbuh biex jieqaf ma waqafx u wara nqabad St. Helen Street, wara li rreżista l-arrest fejn anke kellu jintuża t-taser gun biex jiġi kontrollat.
Il-Pulizija li kienu nvoluti f’din il-ġirja dawk tad-Distrett u tal-RIU qalulu li kellu d-dritt għas-silenzju. Ix-xhud qal li kien hu li nnteroga lil Cmelik u ressqu l-Qorti. Il-ġurnata ta’ wara komplew l-investigazzjonijiet u min filmati tas-CCTV’s irriżulta li l-akkużat kellu sikkina fuqu, mara ħdejn Gugo Chetcuti u tah żewġ daqqiet fuq l-abdomen.
Kienu taw lill-akkużati d-dritt li jkellem avukat tal-fiduċja tiegħu. Sarulu diversi mistoqsijiet fejn qal li hu ma kienx xorob u li għażel li ma jiffirmax l-istqarrija li kien ta. Jiftakar li kien qallu li m’għandux fejn joqgħod u li kien qed jgħix barra t-triq. Irriżulta li ħuh kien jgħix tal-Pietà, fejn l-Isptar San Luqa, u li kien qed jgħix miegħu.
Madwar ġimgħa wara rriżulta li l-vittma kien tilef ħajtu u li għalhekk ġew appuntati esperti oħra, fejn saret l-awtopsja. Minn investigazzjoni li saret irriżulta li l-akkużat kien ħadem f’xi club tal-vittma. Kien jaħdem bħala ‘helper’ u li dan jaħdem hemm għal sitt xhur. Huwa iżda kien twaqqaf għax qabad u ma marx għax-xogħol. Fi club ieħor ħareġ li kien reġa’ tkeċċa għax kien fl-effett tal-alkoħol waqt ix-xogħol.
L-eks Spettur Sant ftakar ukoll li fil-pouch tal-akkużat instabet sikkina li ntużat fl-attakk. Minn testijiet tad-DNA rriżulta li s-sikkina kienet l-istess arma li ntużat fid-delitt. Sadanittant wara nqrat l-istqarrija tal-akkużat lill-ġurati. Ħafna drabi huwa rrisponda bil-kliem “ma nixtieqx li nirrispondi”. Wara xehed is-Surġent Shaun Borg Asciak li kien parti mit-tim tal-investigazzjoni u li kien ħafna konsistenti ma’ dak li qal l-Ispettur Sant.
Borg qal li kien hu li sab is-sikkina fuq l-akkużat u li mill-ewwel ħadu l-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan. Wara mar l-isptar u tabib qallu li Hugo Chetcuti kien jinsab f’qagħda kritika. Qal li aktar tard it-tabib Mario Scerri talab lill-akkużat jekk iridx li jagħmel test tal-urina. Dan naċċetta u rriżulta li dan kien wieħed nadif u mingħajr ebda problemi.
Skont il-Prosekuzzjoni wkoll fis-7 ta’ Lulju 2018, Hugo Chetcuti kien stieden lill-qraba u l-Managers tiegħu biex jittestjaw il-menu ta’ ristorant ġdid li kellu jispeċjaliżża fuq il-frott tal-baħar. Ir-restorant ġdid kien se jiftaħ fuq it-taraġ ta’ Paceville.
Il-Prosekuzzjoni qed ittenni li kien għall-ħabta tal-10.00pm. li Chetcuti ħareġ għal sigarett, flimkien ma’ ħuh Isaac, oħtu Sheryl, il-gwardjan tas-sigurtà tiegħu James Farrugia u l-Maniġer tal-proġett ta’ Hugo’s Group – Simon Attard. Oħt Chetcuti u l-gwardjan kienu telqu biex iżuru stabbiliment fil-qrib.
Il-mument tal-qtil
Kien f’dan il-mument li allegatamnent Cmelik, liebes kappell tat-tiben, avviċina lil Hugo Chetcuti, li kien bilqiegħda fuq banketta, u għajjat ismu. Chetcuti qabad lis-Serb minn driegħu biex jgħannqu, iżda allegatament l-akkużat minn wara daħħal idu ma’ għonq l-imprenditur, u tah żewġ daqqiet ta’ sikkina fl-istonku u ħarab.
Eventwalment l-akkużat inqabad f’Tas-Sliema. Cmelik qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih. Jingħad li l-isem veru tal-akkużat huwa Bojan Mitić u li kien spiċċa l-ħabs fis-Serbja għar-rwol tiegħu f’serqa bl-armi fuq vann f’Belgrad fl-2005. Sadanittant kien it-12 ta’ Lulju, sitt ijiem wara l-aggressjoni li Chetcuti tilef il-battalja mal-mewt.
Huwa kien miet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei għall-ħabta tad- 9.00pm. Minkejja li huwa dejjem kien dejjem fil-periklu tal-mewt, għal xi ħin il-qagħda tiegħu kienet waħda stabbli u kien deher li beda jirkupra.
Huwa kien ġie operat darbtejn u dan wara li l-kundizzjoni tiegħu kienet qalbet għall-agħar.L-isforzi li saru mit-tobba u paramediċi sfortunatament sfumaw fix-xejn. Huwa kien miet kaġun ta’infezzjonijiet u kumplikazzjonijiet li nqalgħu wara t-tieni operazzjoni li saritlu.
Waqt il-ġbir tal-provi, fil-Qorti kien ntwera wkoll filmat tas-CCTV mill-istabbiliment Bar Native fejn l-aggressur jidher tiela’ t-taraġ ta’ Santa Rita f’Paceville. Fil-filmat, Hugo jidher bilqegħda dahru lejn il-kamera u s-suspettat jidher javviċinah, jattakkah b’sikkina u jaħrab minn fuq il-post.
L-espert forensiku Dr Mario Scerri kien fiehem lill-Qorti kif huwa kien eżamina l-feriti li kellu l-vittma kif ukoll dawk tal-akkużat. Huwa qal li s-sikkina li nstabet fil-pocket li kellu fuqu l-akkużat kellha xafra twila 16-il ċentimetru.
Hu kien eżamina wkoll lill-akkużat u minbarra xi feriti li kienu ilhom fuqu, instab li kellu wkoll feriti oħra li kien għamel lilu nnifsu, li Cmelik stqarr li dawn kienu saru waqt li kien fil-ħabs. Għat-testijiet dwar jekk kienx taħt l-effett tad-droga, kollox kien irriżulta fin-negattiv. Dwar il-feriti ta’ Hugo, Dr Scerri kien xehed li s-sikkina daħlet minn direzzjoni u ħarġet minn oħra.
Waqa’ f’koma
Skond Scerri, l-kundizzjoni tiegħu baqgħet qatt ma qalbet għall-aħjar anke wara t-tieni operazzjoni tant li Chetcuti waqa’ f’koma, ħakmitu nfezzjoni bil-kundizzjoni tiegħu tibqa’ sejjer dejjem lura.
Chetcuti, li trabba Raħal Ġdid kien jimpjega mijiet ta’ persuni grazzi għall-katina ta’ stabbilimenti tad-divertiment, ristoranti u lukandi li kollha kienu jġibu ismu stess – Hugo. Chetcuti kien beda n-negozju tiegħu fit-tmeninijiet, bil-ftuħ tal-ewwel stabbiliment tiegħu ‘Footloose’ f’Paceville.
Maż-żmien huwa kompla jiftaħ iktar stabbilimenti mhux biss tad-divertiment, iżda wkoll kien pijunier fl-industrija tal-ospitalità f’Malta. Kien bena din il-katina ta’ stabbilimenti bl-appoġġ ta’ ħutu Sheryl u Isaac, kif ukoll ibnu Luke, li baqa’ miexi fuq il-passi ta’ missieru.
L-Avukati Joseph Giglio u Mario Spiteri qegħdin jidhru bħala parti-ċivili għan-nom tal-familjari tal-vittma. Il-Prosekuzzjoni se tkun qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri mill-uffiċċju tal-AĠ bl-istħarriġ tal-każ kien f’idejn l-Ispettur Nikolai Sant. L-akkużat se jkun qed jiġi difiż mill-Avukat Simon Micallef Stafrace. Cmelik, li kien jgħix ma ħuh f’Tal-Pietà u kien impjegat f’Bacco u Hugo’s Terrace.
//= $special ?>
