Lokali Qorti

“Iġri aqbdu” – il-karba ta’ Hugo Chetcuti lil ħuh wara li ġie aggredit

Ritratt: Martin Agius

Membru tal-Korp tal-Pulizija li mar l-isptar Mater Dei ftit wara li seħħ l-inċident qal li Isaac Chetcuti kien kellmu, anke jekk kien nervuż ħafna u qallu li hu kien viċin ħuh meta raġel twil mar jgħannaq lil ħuh Hugo. Hekk kif telqu, l-vittma qallu “iġri aqbdu -aqbdu”.

Il-Kuntistabbli Andrew St John, wieħed mill-uffiċjali tal-pulizija involuti, semma kif Isaac Chetcuti rrakkontalu x’kien x’ġara. Qallu li hu u Hugo kienu barra l-istabbiliment il-ġdid tiegħu meta avviċinathom persuna li mar jaqbad lil Hugo minn dirgħajh.

Kif qabbdu u għannqu r-raġel niffed żaqq Hugo b’sikkina, waqt li ma ndunax sewwasew x’kien qed jiġri minn fejn kien qiegħed. Ir-raġel ħarab jiġri, u Hugo, hu u jżomm l-istonku tiegħu, lissen lil ħuh, “Aqbdu aqbdu.” L-uffiċjali tas-sigurtà ta’ Hugo kien għadhom kif telqu minn ħdejh ftit minuti qabel.

Kien hemm ukoll preżenti ċertu James,li kien is-security privat ta’ Hugo u oħthom li riedet tmur titkellem mas-sieħeb tagħha li kien f’ħanut. Dak kien il-mument li James telaq. Skont Isaac Chetcuti, qal ix-xhud ir-raġel li attakka lil ħuh kien twil u li ma kienx jafu.

Dan għajjat lil Hugo b’ismu, u l-vittma peress li kien persuna ta’ kariżma, fetaħ idejh biex jgħannqu miegħu. “It-tnejn tgħannqu iżda f’temp ta’ sekonda sar moviment mgħaġġel mir-raġel b’idu l-leminija, sekondi wara r-raġel ħarab u għadda minn sqaq jiġri kemm jiflaħ.

Isaac Chetcuti dak il-ħin baqa’ skantat iżda mar jiġri warajh. Miegħu ġrew ukoll wara r-raġel xi membri tas-Sigurtà u dan fid-direzzjoni ta’ Havana, b”Isaac jgħid li dan ir-raġel kien verament veloċi u fejn għadda minn fejn darba kien hemm l-uffiċċini tal-Maltacom. Minkejja li baqgħu jiġri warajh, tilfuh. Hawn iddeċieda li jerġa’ jmur fejn ħuh. Hemm ra lil xi persuni jassistu lil Hugo, li ttieħed mill-ewwel l-isptar permezz ta’ taxi.

Dan ħareġ meta quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja kompla l-ġuri ta’ Serb Hugo Cmelik, mixli bil-qtil tal-imprenditur Hugo Chetcuti. Surġent tal-Pulizija li kien ukoll segwa lil Bojan Cmelik ta’ 38 sena, li qed jiġi akkużat li fis-sajf tal-2018 qatel lil Hugo Chetcuti, l-intraprenditur magħruf, huwa qal li l-akkużat ġera ġirja minn Paceville, fejn ġie segwit minn ħu l-vittma, li tilfu u wara kien hu li ġera warajh x-Xatt ta’ tas-Sliema fejn tilfu wkoll.

L-akkużat spiċċa ‘tasered’ darbtejn meta nqabad tas-Sliema

Bojan Cmelik kellu jiġi ‘tasered’ mill-anqas darbtejn, meta kien kważi jaħrab, qabel ma ġie mrażżan u arrestat. Dan ħareġ mix-xhieda ta’ diversi membri tal-Korp tal-Pulizija li kollha rrakkontaw il-ġirja tiegħu biex jipprova jaħrab mis-segwiment tal-pulizija qabel ma spiċċa arrestat f’Tas-Sliema. Huma qalu wkoll li Cmelik irreżista lill-Pulizija bi vjolenza hekk kif kien qed jiġi arrestat. Tant kemm irreżista li f’ħin minnhom Cmelik li kien taħt il-Pulizija, irnexxielu jqum anke wara li ġie ‘tasered’.

Wara din il-ġirja sfrenata, finalment Cmelik inqabad mill-Pulizija tal-RIU fi Triq Santa Liena. Hugo Chetcuti kien miet l-isptar sitt ijiet wara li daħal l-isptar b’feriti gravi. Huwa allegatament inqatel minn Cmelik, eks impjegat tal-Grupp Hugo’s, f’Paceville, f’Lulju 2018. Jekk jinstab ħati mill-ġurati, ħamest irġeil u erba’ nisa s-Serb qed jiffaċċa piena massima ta’ għomor il-ħabs. Bħala supplenti (riżerva) hemm żewġ nisa u raġel.

Matul is-seduta xehdu bosta uffiċjali tal-pulizija li kienu involuti fl-arrest tas-Serb. Żewġ membri tal-Kopr tal-Pulizija qalu li f’ħin minnhom raw lill-akkużat iqum minn ġo folla li kienet qed tagħmel BBQ fuq il-blat fejn kien hemm xi studenti u jitlaq jiġri mal-kosta ta’ Tas-Sliema.

Qalu li aktar tard ġew mgħarrfa li r-raġel ġie arrestat fi Triq Santa Liena f’Tas Sliema. Saħqu li sabu lil aggressur f’taqbida mal-uffiċjali tal-RIU u minn tfittxija nstabet sikkina ma’ qaddu. Membri mill-iskwadra tal-RIU żiedu jgħidu li l-aggressur beda jinjora l-istruzzjonjiet.

Huma  raw lil Bojan miexi lejhom b’pass mgħaġġel u jipprova joħroġ l-arma li ntużat fid-delitt. Qalu li kienu kostretti jisparaw it-‘taser’ għal darbtejn biex jikkontrollawh. Komplew li l-akkużat beda wkoll jagħtihom bil-ponn sakemm arrestawh, u eskortawh lejn l-Għassa ta’ San Ġiljan.

L-ewwel xhud fit-tieni ġurnata tal-ġuri kien s-Surġent Ivan Attard li f’Lulju tal-2018 kien stazzjonat San Ġiljan. Dwar is-6 ta’ Lulju ta’ tliet snin ilu qal li kien xogħol ta’ bil-lejl l-Għassa tal-Pulizija. Għall-ħabta tal-10.30pm irċevew telefonata li kien hemm persuna li qala’ daqqa ta’ sikkina fejn Hugo’s Boutique Hotel.

Mill-ewwel waslu fuq il-post u mar ikellimhom Isaac Chetcuti, ħu l-vittma Hugo. “Qalilna li kien qed jieħu ‘drink’ fuq mejda fejn stabbiliment ġdid li kienu qed jinawguraw. X’ħin kien qiegħed ma’ ħuh mar raġel, l-ewwel għajjatlu b’ismu u mar jgħannqu u deher jagħtih daqqa ta’ sikkina.

Issac qal li mar jiġri warajh fid-direzzjoni ta’ Burger King. Ħu l-vittma qal li kien tilfu u reġa’ mar lura fil-post tal-inċident. Marru lejn Spinola u kollega qalilhom li kien ra persuna jiġri u kien qed jissuspetta li kien l-istess persuna li tah jiġri lejn Balluta. Ix-xhud qal li marru bil-karozza lejn tas-Sliema, fejn is-‘Surfside’ u ttawwal minn fuq il-promenade u ra l-persuna li kellha l-istess diskrezzjoni li kien tahom ħuħ tiġri fuq il-blat.

Mar jiġri warajh u s-Serb tela’ jiġri għal fuq it-triq u kif kienu wara xulxin, qallu li kien Pulizija u qallu biex jieqaf. Minn hemm dar ma’ blokk appartamenti u f’dan il-mument tilfu. Ikkuntattja lill-Pulizija u baqgħu jfittxuh. Ftit talħ-in wara kienu nfurmati minn naħa tal-RIU li kienu qabdu lis-suspettat.

Spiċċa mmanettjat fi Triq Santa Elena

Ix-xhud mar fi Triq Santa Elena Tas-Sliema u hemm ra lir-raġel mmanettjat u li kien ma’ l-art. Kollega tiegħu tah it-twissija u fuq il-persuna tiegħu sabu sikkina li kienet f”pouch’ biċ-ċintorin. Ittieħed l-Għassa, reġa’ ngħata t-twissija u tfittixija oħra sabu biss żewġ key chains. Qalilhom li kien jismu Boran Cmelik. Meta staqsewh fuq l-inċident, qalilhom li ma kien se jwieġeb għall-ebda mistoqsija. Wara huma ħadu l-isptar Mater Dei għall-ġrieħi li kellu u hu baqa’ l-Għassa tal-Pulizija.

Wara xehed l-eks kuntistabbli Karl Dimech li qal li dak inhar tal-inċident kiex xogħol overtime l-Għassa ta’ San Ġiljan. Dimech kien konsistenti ma’ dak li qal is-Surġent Attard. Qal li meta mar Paceville ra lil ħu l-vittma jibki u li kien qalilhom li raha persuna jgħannaq lil ħuh u jagħtih bis-sikkina. Qalilhom ukoll li ħuh kien diġa ttieħed l-isptar.

Qalilhom kien liebes qmis skura u kappell tat-tiben u li kien twil. Xi Securities qalulhom li kienu rawh lill-akkużat f’bajja f’San Ġiljan li tagħti għal tas-Sliema. Qal li kien rah fuq xatt tas-Sliema fejn xi studenti u qallu biex jieqaf, imma telaq jiġri bis-Surġent Ivan Attard jiġri warajh lejn id-direzzjoni tax-Chalet, f’Tas-Sliema u wara kien infurmat li kien inqabad fi triq tas-Sliema u hu u sħabu marru l-Għassa ta’ San Ġiljan.

Wara xehed il-kuntistabbli Ian Borg li qal li kien xufier fl-Għassa tal-Pulizija l-Għassa ta’ San Ġiljan. Ix-xhud kien il-persuna li wassal lill-Pulizija l-oħra fuq il-post ta’ fejn sar l-inċident fejn il-post magħruf bħala St. Rita Steps ġewwa Paceville. Wara xehedu diversi membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu nvoluti fis-segwiment u l-arrest ta’ Cmelik. Membri tal-RIU qalu li kellhom jużaw it-;taser gun’ minħabba li Cmelik beda jirreżisti l-arrest u anke jagħti bis-sieq u b’minkbu. F’ħin minnhom ukoll waqaf u pprova joħroġ xi ħaġa mill-qmis, li kienet nofsha miftuħa.

It-tabib Robert Patinniott xehed li huwa ra erba’ persuni konnessi mal-każ, li kienu Cmelik u tliet Kuntistabbli. Huwa tenna li wie]ed mill-uffiċjali lmenta minn uġiegħ u li kien għaddej minn trawma fuq ferita ll-għadma ta’ imnieħru. Fil-bidu tas-seduta ta’ wara nofs inhar xehed l-Ispettur Charlotte Casha.

L-involviment tiegħu fil-każ kien li tqabbad mill-Qorti bħala espert biex jieħu ritratti. Huwa ħa ritatti tal-akkużat fil-ħabs biex jiġu komparati ma’ filmati tas-CCTV. Huma għamel dan fl-1 ta’ Awwissu, 2018 fejn ħa 10 ritratti. Ma setax jagħmel il-paraguni minħabba li ma ħassux kompetenti jagħmel dan, u fil-fatt kien informa lill-Qorti fuq dan il-fatt.

Sikkina ta’ 16-il ċentimetru

Xehdu wkoll is-Surġent Michelle Camilleri u s-Surġent Darren Debattista minn naħa tal-forensika tal-Pulizija. Huma ġabru fingerprints u ħadu ritratti minn fuq ix-xena tar-reat. Il-ġurati kienu murija numru ta’ ritratti fosthom ritratti tal-akkużat li ttieħdu fl-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan li urew li kellu d-demm f’widnejh ix-xellugija. Ritratti oħra kienu tal-ħwejjeġ tal-akkużat u s-sikkina li nsabet fuqu. Is-sikkina li kienet twila 16-il ċentimetru ttieħdet għall-eżami tad-DNA.

L-Avukati Joseph Giglio u Mario Spiteri qegħdin jidhru bħala parti-ċivili għan-nom tal-familjari tal-vittma. Il-Prosekuzzjoni se tkun qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri mill-uffiċċju tal-AĠ. L-akkużat qed ikun qed jiġi difiż mill-Avukat Simon Micallef Stafrace.