- Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar filwaqt li sellem lill-ħaddiema tal-Parlament għax-xogħol siewi li qed jagħmlu b’risq id-demokrazija fil-pajjiż, qal li iżda ċerti Kumitati tal-Kamra, l-Awtorita tal-Ippjanar u Infrastruttura Malta bl-imġiba arroganti tagħhom qed ikunu ta’ theddida għad-demokrazija.
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar beda biex irringrazzja lill-ħaddiema kollha li jaħdmu f’din l-istituzzjoni tal-Parlament għaliex dawn il-ħaddiema kollha jaħdmu b’effiċjenza u tajjeb li dipartimenti governattivi l-oħrajn jikkupjaw il-mudell ta’ effiċjenza hekk kif prodott minn dan id-Dipartiment Servizzi lill-Parlament Malti.
Hu qal li iżda ċerti attitudnijiet jridu jinbidlu fir-rigward tar-rispett lejn l-istituzzjoni tal-Parlament. Hi ħasra li jsiru Mistoqsijiet Parlamentari u mbagħad jew ma jkunux imwieġba jew inkella l-Ministru konċernat, apposta u b’intenzjoni jkunu assenti mill-Kamra. Sfaċċatament tarahom ħerġin ’il barra mill-Kamra biex ma jwieġbux għall-Mistoqsijiet Parlamentari li jsirulhom.
Robert Cutajar qal li dan hu nuqqas ta’ rispett serju u appella biex issir il-bidla meħtieġa biex il-Ministri jidhru fil-ħin tal-Mistoqsijiet u jwieġbu għall-Mistoqsijiet li jsirulhom u anki l-Mistoqsijiet Supplimentari. L-Ispeaker għandu jintervjeni dwar din il-kwistjoni u jara li tissolva.
Hu qal li anki ċerti Kumitati tal-Kamra m’humiex jaħdmu għat-tisħiħ tad-demokrazija. Ċerti Kumitati m’hux veru jirrispettaw lin-nies hemm barra. Eżempju klassiku hu l-Kumitat tal-Petizzjonijiet fejn numru kbir ta’ petizzjonijiet jgħaddu ejja ħa mmorru u bla attenzjoni ta’ xejn. Min jikteb lil dan il-Kumitat biex isemma’ leħnu, għandu kull dritt li leħnu jissemma’.
Fakkar kif fis-sajf li għadda saret talba ripetuta mill-Oppożizzjoni biex jitlaqqa’ l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji biex jiddiskuti l-Lista l-Griża mill-FATF, iżda dan il-Kumitat baqa’ ma tlaqqax.
Dawn huma sitwazzjoni li m’humiex aċċettabbli. Sal-lum dik it-talba tal-Oppożizzjoni ma kenitx diskussa f’dak il-Kumitat u dwar dankollu għandu jwieġeb id-Deputat Laburista Jean Claude Micallef li jmexxi dan il-Kumitat.
Robert Cutajar tkellem ukoll dwar in-nuqqas serju tal-Kumitat tal-Ambjent u l-Ippjanar li naqas milli jitlaqqa’ biex jiddiskuti s-suġġett tal-impjant tal-inċineratur fil-Magħtab. Għaliex id-Deputat Laburista Joe Mizzi qed jiddejjaq milli jlaqqa’ dan il-Kumitat? Minn xix qed jibża’ Joe Mizzi meta fin-nofs hemm l-intressi tar-residenti u tal-bdiewa?
Robert Cutajar wera d-diżapprovazzjoni tiegħu għal dak li ġara nhar l-Erbgħa waranofsinhar quddiem il-Kumitat tal-Kamra tal-Kontijiet Pubbliċi fejn l-eks Ministru Korrott Konrad Mizzi qagħad idur mal-Istanding Orders biex ma jidhirx u hemmhekk sab lill-kollegi tiegħu fil-Partit Laburista jaqbżu għalih flok ma jikkundannawh!
Robert Cutajar kellu kritika ħarxa wkoll fil-konfornt tal-Awtorità tal-Ippjanar u Infrastruttura Malta u qal li dawn anqas rispett lejn in-nies m’għandhom. Ħasra li dawn qed jitmexxew min-nies li tilfu kull kredibbiltà u jridu jerfgħu kull responsabbiltà għal dak kollu li qed jagħmlu. Dawn huma nies li telgħalhom għal rashom iżda xorta għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għal għemilhomu kieku għandhom nitfa’ deċenza jwarrbu minn dawn il-karigi importanti. Hu inaċċettabbli li l-Ombudsman jagħti ċerti direzzjonijiet, iżda mbagħad jiġi ċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar u bl-aktar mod sfaċċat jgħid li le mhux se jagħti kas dawk id-direzzjonijiet.
L-Awtorità tal-Ippjanar u Infrastruttura Malta jridu jagħtu rendikont għall-isfreġju ambjentali li wettqu fl-ibliet u fl-irħula Maltin u f’diversi siti suppost protetti b’permessi wara permessi… tassew li huma parteċipi fit-tkissir tal-ibliet u l-irħula Maltin bi ħruġ ta’ permessi li huma skandli, temm id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.
//= $special ?>