L-attakkant Serb ta’ Fiorentina Dusan Vlahovic mhux mistenni jġedded il-kuntratt tiegħu mal-klabb. Dan ikkonfermah il-President tal-Viola Rocco Commisso. F’ittra pubblika ndirizzata wkoll lill-partitarji ta’ Fiorentina, Commisso qal li l-attakkant ta’ 21 sena rrifjuta li jsir l-aktar player imħallas tal-klabb.
Il-kuntratt ta’ Vlahovic jintemm f’Ġunju tal-2023. Commisso qal ukoll li l-klabb emenda l-kuntratt offrut numru ta’ drabi sabiex jakkomoda t-talbiet tal-attakkant, iżda minkejja dan l-offerti ma kinux aċċetati.
“F’dan il-mument kull ma nistgħu nagħmlu huwa li nagħrfu t-talbiet tal-player filwaqt li naraw x’soluzzjonijiet hemm għall-istaġuni li ġejjin,” temm jgħid Commisso.
Vlahovic huwa wieħed mill-attakkanti li spikka fis-Serie A fl-aħħar staġuni hekk kif fl-istaġun li għadda skorja 21 gowl. Hu qed juri l-abbiltà tiegħu wkoll f’dan l-istaġun hekk kif s’issa skorja erbaġ darbiet f’seba’ partiti.
//= $special ?>