Lokali

“Għall-ġid tal-familja u s-soċjetà tagħna” – PN

Preżentati aktar proposti mill-PN – Proposti li jżommu l-familja fiċ-ċentru tal-politka u li jtejjbu l-ħajja soċjali – Aktar proposti li joħorġu mill-Cluster tal-Benesseri Socjali u li jimxu fuq id-Direttiva Ewropea dwar il-‘work’life balance’, li fuqha ħadem l-MEP tal-PN David Casa.

Dawn il-proposti, li jżommu fiċ-ċentru tagħhom il-bżonnijiet tal-ħaddiema u anke l-bżonnijiet ta’ min iħaddem bil-għan li jinstab bilanċ, ħarġu waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputati Claudette Buttigieg u Jason Azzopardi flimkien mal-membru fil-Moviment Nisa PN Marie-Claire Zammit.

Partit Nazzjonalista fil-Gvern iwiegħed id-dritt biex jintalab “temporal flexibility” għall-haddiema fis-Settur Privat fejn il-ħaddiema kollha jingħataw id-dritt li jitolbu dan fir-rigward ta’ x’ħin jibdew u x’ħin jispiċċaw, b’arranġament ma’ min iħaddem.

Gvern immexxi minn Bernard Grech jagħti d-dritt ghal “spatial flexibility” li jippermetti lill-impjegati jaħdmu b’sistema hybrid.

Proposta oħra hija li l-impjegati kollha jkollhom id-dritt li jitolbu biex jaħdmu mid-dar għal numru ta’ ġranet fil-ġimgħa, kif ikun maqbul ma’ min iħaddimhom, u bil-kundizzjoni li tinżamm il-produttivita’, kif ukoll jintlaħqu l-bżonnijiet tal-klijenti.

PN fil-Gvern jagħti Tax Rebate lil min iħaddem biex itejjeb l-“ergonomics” b’appoġġ għall-ħaddiema li jaħdmu kemm mill-uffiċċju kif ukoll mid-dar.

Fost il-proposti li ħarġu mis-Social Wellbeing Cluster tal-PN, hemm ukoll il-proposta li l-impjegati jistgħu jaħdmu sa għaxar t’ijiem matul il-maternity, paternity jew adoption leave, bi ħlas, jistgħu wkoll jaħdmu sa 20 ġurnata matul il-parental leave, u dan ukoll bi ħlas.

Proposta oħra tal-PN hija li tiġi emendata l-liġi biex ikun hemm iktar protezzjoni għan-nisa li jkunu qed jistennew tarbija.