Lokali

Id-direttiva taċ-Chairman tal-PBS tikkonferma li TVM hu maħtuf mil-Labour

Il-Partit Nazzjonalista iressaq żewġ protesti mal-Awtorita’ tax-Xandir

L-email taċ-Chairman tal-PBS Mark Sammut li ġiet żvelata fil-midja, u li tordna lill-produtturi tal-programmi ta’ diskussjoni fuq ix-xandir pubbliku biex jinfurmaw lil Norma Saliba, 15-il ġurnata bil-quddiem, dwar it-temi li jkunu se jiddiskutu u dwar il-mistednin li jkunu se jistiednu fil-programmi tagħhom, tkompli tikkonferma dak li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ilha tikxef u titkellem dwaru għal xhur sħaħ.

Fi stqarrija iffirmata mill-Viċi Kap tal-PN David Agius, il-Kelliem dwar ix-Xandir Nazzjonali Joe Ellis u l-kandidat Alessia Psaila Zammit, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed titlob lill-Awtorità tax-Xandir tintervjeni mingħajr aktar dewmien biex jieqaf il-ksur tal-liġi mit-tmexxija tal-PBS maħkuma mill-klikka ta’ Robert Abela. B’mod partikolari, l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Awtorità tax-Xandir biex ma tħallix lill-PBS jibqa’ għaddej bid-direttiva bħal romblu minn fuq il-produtturi, il-ġurnalisti u l-preżentaturi tal-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti tax-xandir pubbliku għax din id-direttiva qed toħnoq l-aktar prinċipji bażiċi tad-demokrazija u l-ġurnaliżmu liberu u qed twaqqaf lill-pubbliku milli jiddiskuti l-aktar temi attwali fil-pajjiż.

Dik l-email, apparti li turi bl-aktar mod ċar l-istat miżeru li jinsab fih ix-xandir pubbliku bħalissa – maħkum mil-Labour – tagħti wkoll kredibbiltà lill-iżbilanċ li qed toħroġ fid-deher l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ kuljum bi statistika preċiża tal-aħbarijiet tat-tmienja. Dik l-istatistika qed turi li jum wara jum, il-klikka ta’ Robert Abela fil-PBS qed tissokta akkost ta’ kollox bi żbilanċ qawwi kontra l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fl-aħbarijiet, u li l-Awtorità tax-Xandir mhux taġixxi minn jeddha jekk ma jsirx xi ilment mill-Partit Nazzjonalista. Dan kollu bi ksur tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u tal-liġijiet dwar ix-xandir.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tibqa’ tisħaq li din id-direttiva tiġi irtirata minnufih għax l-uniku skop tagħha hu li jibqa’ jkun hemm kontroll assolut fuq il-programmi kollha ta’ ġrajjiet kurrenti mill-klikka ta’ Robert Abela fil-PBS, u għax il-ġurnalisti u x-xandara tal-PBS mhix titħallielhom il-libertà ġurnalistika mingħajr l-approvazzjoni tat-tmexxija tal-PBS.

Is-sitwazzjoni attwali fil-PBS turi kemm m’humiex ġustifikati il-fondi pubbliċi li kull sena qed jiġu nvestiti fil-PBS sabiex jassiguraw xandir imparzjali.  Dawn il-fondi jammontaw għal aktar minn €5.5 m fis-sena u l-Partit Nazzjonalista jinsisti illi dawn il-fondi għandhom jintefqu b’mod u manjiera illi l-PBS josserva l-akbar imparzjalita’ fix-xandir tiegħu waqt illi l-ġurnalisti u l-produtturi tal-programmi ta’ aħbarijiet kurrenti ikollhom liberta’ editorjali sħiħa.

Din l-ordni turi kemm il-PBS qed jinjora għal kollox il-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u qed jimxi bl-istess aġenda partiġġjana illi tefgħet il-ħatab fuq in-nar li spiċċa fi traġedja. 

Barra minn hekk, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista hija mħassba u qed tosserva mill-qrib ukoll il-mod kif qed jittella’ l-programm “Niskata” fl-iskeda ta’ matul il-ġimgħa fuq ix-xandir pubbliku. Madankollu, l-akbar tħassib tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista hu li dan il-programm imħallas minn flus in-nies u fuq ix-xandir tan-nies qed isir vetrina li indirettament tirriklama bosta persuni li kienu jew huma kandidati tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali bhal Ray Abela u Joe Etienne Abela.

Is-sitwazzjoni attwali fil-PBS turi kemm m’humiex ġustifikati il-fondi pubbliċi li kull sena qed jiġu nvestiti fil-PBS sabiex jassiguraw xandir imparzjali.  Dawn il-fondi jammontaw għal aktar minn € 5.5 m fis-sena u l-Partit Nazzjonalista jinsisti illi dawn il-fondi għandhom jintefqu b’mod u manjiera illi l-PBS josserva l-akbar imparzjalita’ fix-xandir tiegħu waqt illi l-ġurnalisti u l-produtturi tal-programmi ta’ aħbarijiet kurrenti ikollhom liberta’ editorjali sħiħa.

.