Il-membri tal-Gvern fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) iddefendew lill-ex Ministru Konrad Mizzi li rrifjuta li jixhed quddiem il-Kumitat dwar il-power station tal-Electrogas u ma kkundannawx l-atteġġjament tal-ex Ministru Konrad Mizzi.
Fil-bidu tal-laqgħa l-kumitat iċ-Chairman Beppe fenech Adami qal li l-kumitat kien talab lil GEM Holding Ltd diversi dokumentazzjoni iżda għal tliet xhur sħaħ din il-kumpanija naqset milli tipprovdi dawnn id-dokumenti. Il-kumitat qabel li l-kumpanija tkun informata li għandha żmien sal-laqgħa li jmiss beix tipprovdiehom.
Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield qal li l-Gvern kien qal li ried jagħmel il-mistoqsijiet lix-xhud Paul Apap Bologna u għalhekk dan għandu jitressaq fil-laqgħa li jmiss.
Iċ-Chairman tal-PAC Beppe Fenech Adami qal li Konrad Mizzi kien informat biex jitla’ jixhed quddiem il-Kumitat llum iżda kien biss dalgħodu li Konrad Mizzi informa lill-Kumitat li mhux se jattendi għal-laqgħa. Iċ-Chairman qara email li Konrad Mizzi bagħat lis-Segretarja tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi li fiha qal li mhux se jattendi għal-laqgħa u kkwota artiklu mill-gwida li tirregola x-xhieda quddiem il-Kumitat li biha d-deputati jistgħu ma jattendux għal-laqgħat tal-Kumitat.
Beppe Fenech Adami qal li dan jikkuntrata bil-kbir għal dak li kiteb Konrad Mizzi fuq facebook fejn ftaħar bil-proġett tal-Electrogas iżda rrifjuta li jwieġeb dwaru. Hu qal li hu dover li kull membru parlamentari li jirrispetta lill-parlament u lill-poplu. L-aġir ta’ Konrad Mizzi jikkontrasta bil-kbir kull meta tressqu deputati u ministri quddiem il-PAC. Minkejja li kellhom id-dritt li ma jattendux, dawn id-deputati u ministri attendew iżda Konrad Mizzi naqas milli jxihed.
L-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi, l-ex ministri Tonio Fenech u Austin Gatt, id-deputati Nazzjonalisti Claudio Grech u Beppe Fenech Adami kif ukoll il-Ministru Owen Bonnici kollha dehru quddiem il-PAC.
Hu qal li fis-sessjoni plenarja hu kien se jinforma lill-parlament bid-deċiżjoni ta’ Konrad Mizzi.
Karol Aquilina qal li Konrad Mizzi qed jabbuża mill-privileġġ li għandu u sostna li dan hu insult lejn in-nies. Hu ppropona li l-Kumitat jiddikjara li d-deċiżjoni ta’ Konrad Mizzi hi deplorevoli u li Konrad Mizzi għandu jittella’ jixhed.
Konrad Mizzi jaf kollox dwar dan il-proġett u għalhekk għandu jittella’ jixhed, sostna Karol Aquilina, li kompla li kulħadd jaqbel li d-deputati u l-ministri għandhom jitilgħu jixhdu. Nifhem li intom tridu tiddefendu akkost ta’ kollox lil Konrad Mizzi, sostna Karol Aquilina, li qal Konrad Mizzi seta’ tela’ u ma weġibx il-mistoqsijiet iżda hi inaċċettabbli li persuna tirrifjuta li titla’ tixhed.
Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield qal li mhux jifhem x’inhi t-talba u sostna li l-membri tal-Gvern iridu jieħdu direzzjoni għaliex Konard Mizzi għadu dritt li ma jixhidx.
Il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li hu jemmen li kull xhud li jissejjaħ għandu jitla’ jixhed.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qabel li Konrad Mizzi għandu jitla’ jixhed biex jitfa’ dawl fuq il-proġett. Hu sostna li l-kumitat jista’ jerġa’ jagħmel talba lil Konrad Mizzi biex jitla’ jixhed.
Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li jrid ikun ikkunsidrat li l-ex Ministru Konrad Mizzi għadu deputat Laburista; hu insult kbir li deputat jirrifjuta li jixhed dwar l-ikbar kuntratt li ngħata mill-Indipendenza.
Il-poplu qed jistenna risposta dwar dak li qed iseħħ, sostna Ryan Callus, li qal li Konrad Mizzi welled dan il-proġett u kien l-iktar persuna involut fih. Il-pożizzjoni ta’ Konrad Mizzi tfixkel il-ħidma tal-PAC, sostna Ryan Callus, li nsista li l-PAC jikkundanna l-aġir ta’ Konrad Mizzi.
Il-Ministru Clayton Bartolo qal li l-Oppożizzjoni qed tagħti spin politiku waqt li Glenn Bedingfield iddikjara li l-Gvern ma jaqbilx mal-mozzjoni ta’ Karol Aquilina.
Il-membri tal-Gvern ipproponew biss li ssir talba mill-ġdid lil Konrad Mizzi biex jitla’ jixhed.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami appella lill-membri tal-PAC biex jiddikjaraw li Konrad Mizzi għamel ħażin u li kien għamel disprezz lejn il-parlament u l-poplu. Glenn Bedingfield insista li jintalab ruling mill-Ispeaker.
F’dan l-istadju Karol Aquilina qal li kien sema’ lil Alex Muscat jgħid li kien ipprova jtajjar pulizija.
“Jmissek tistħi bħal ma jmissu jistħi l-Korp tal-Pulizja; int ipprovajt titfgħani l-ħabs”, insista d-deputat Nazzjonalista, li qal li Alex Muscat hu giddieb. Alex Muscat ċaħad li kien qal dak id-diskors fil-konfront ta’ Karol Aquilina.
Fil-kumitat ma kienx hemm qbil dwar jekk jitteħidx il-vot fuq il-mozzjoni ta’ Karol Aquilina jew jekk jintalabx ruling mill-Ispeaker. Iċ-Chairman ressaq il-mozzjoni ta’ Karol Aquilina għall-vot. Il-membri tal-Gvern ivvotaw kontra l-mozzjoni ta’ Karol Aquilina u nsistew li jekk il-PAC jrid jista’ jara jekk hemmx passi ulterjuri allura jkun l-Ispeaker li jiddeċiedi.
Il-membri tal-Gvern ipproponew biss li Konrad Mizzi jitressaq jixhed; din il-mozzjoni kisbet l-appoġġ tal-membri kollha.
Karol Aquilina nsista li l-Ispeaker għandu jinforma lill-ex Ministru Konrad Mizzi bid-deċiżjoni tal-PAC hekk kif dan jidħol fil-parlament illum. Il-membri tal-Gvern insistew li l-Ispeaker għandu jitalla fil-libertà dwar x’jagħmel.