Anzjan ta’ 73 sena weġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fix-Xewkija, Għawdex. L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija fi Triq San Anard għall-ħabta tal-5.15p.m. hekk kif seħħet ħabta bejn mutur tat-tip Honda ANC 125 misjuq mill-anzjan, li hu residenti n-Nadur Għawdex u Peugeot 108 misjuqa minn mara Franċiża ta’ 29 sena.
Fil-post issejħet ambulanza b’tim mediku li ta l-ewwel għajnuna lis-sewwieq tal-mutur li ttieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-kura. Iktar tard hu kien ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.
Aġġornament:
Intant permezz ta’ stqarrija l-pulizija qalu li l-Franċiża tressqet il-Qorti t’Għawdex akkużata b’ikkaġunar ta’ ġrieħi gravi
u ħsarat b’mod involontarju, kif ukoll b’sewqan bla kont, negliġenti u perikoluż, fost l-oħrajn. Hija ammettiet l-akkużi u ngħatat sentenza ta’ libertà kundizzjonata għall-perjodu ta’ sentejn.
Il-Qorti ordnat ukoll is-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan għal tlett xhur.
//= $special ?>