Lokali

Jitkellem priġunier li ġie marbut mas-siġġu tat-torturi fil-ħabs ta’ Kordin

Eks priġunier ieħor li kellu l-kuraġġ jitkellem dwar x’qed jiġri f’Kordin tkellem ma’ Peppi Azzopardi u rrakkontalu kif hu ġie marbut mas-siġġu tat-torturi.

L-eks ħabsi kien għamel żmien fit-taqsima tal-forensika, taqsima differenti tal-ħabs, u meta ddaħħal lura f’Kordin, intalab jagħti d-drogi li għandu fuqu. Hu insista li assolutament ma kellu xejn fuqu u li dejjem ta l-pipi tiegħu għat-testijiet. Imma dak il-ħin dan, saritlu strip search.

Ir-raġel ġie sottopost għal tiftix fil-partijiet itimi ta’ ġismu u ngħata mistura biex ineħħi dak kollu li kellu. Hu jirrakkonta li kif lesta, id-Direttur tal-Ħabs ħadu fuq is-siġġu tat-torturi u rabtu hemm, u baqa’ jinsisti li jtih id-drogi.

L-eks ħabsi baqa’ jgħid la ma kellu xejn fuqu, imma d-Direttur m’emmnux, reġa’ ħallu u reġa’ għaddieh minn strip search oħra u tah it-tieni porga.

Il-Prim Ministru Robert Abela ddefenda lid-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli kemmildarba

Meta għaldarboħra ma nstabet l-ebda droga, ir-raġel reġa’ ttieħed fuq is-siġġu tat-torturi u tħalla marbut hemm għal tmien sigħat sħaħ mingħaja ma ngħata mqar tazza ilma.

L-eks ħabsi jgħid li hu kien wieħed minn ta l-ewwel li ġie marbut ma’ dan is-siġġu.

Is-siġġu tat-torturi ilu s-suġġett ta’ kontroversji u għal żmien twil l-awtoritajiet u l-Ministru ċaħdu, l-ewwel l-eżistenza tiegħu u mbagħad l-użu tiegħu. Madankollu meta dan is-sit tkellem mad-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli ftit tax-xhur ilu, hu kkonferma li s-siġġu filfatt jintuza. Skont hu, dan jintuża bl-ordni tat-tabib.

Fi vlog li tella’ Peppi Azzopardi appella lill-Ministru biex ibiddel drarstikament il-mod kif qed titmexxa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u fakkar fl-imwiet li seħħew hemm ġew fl-aħħar xhur u snin.