Lokali

Kappillan ġdid għall-Parroċċa ta’ Ġesù Nazzarenu, tas-Sliema

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna llejla se jiċċelebra quddiesa fil-bidu tal-ħidma pastorali ta’ Patri Claudio Borg, Dumnikan, bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Ġesù Nazzarenu, Tas-Sliema.

Patri Claudio Borg twieled fit-22 ta’ Awwissu 1963 u trabba fil-parroċċa tas-Sacro Cuor, Tas-Sliema. Huwa studja l-filosofija fl-Università ta’ Malta u t-teoloġija fl-Università ta’ Bologna fl-Italja.

Il-formazzjoni reliġjuża tiegħu bdiet fl-1986 fil-Kunvent tal-Madonna tal-Għar, ir-Rabat. Beda n-novizzjat f’Settembru tal-1988 u erba’ snin wara rċieva l-Professjoni Solenni fl-Ordni Dumnikan. Hu ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca fit-8 ta’ Lulju 1994.

Wara li ġie lura mill-Italja, Patri Claudio beda ħidma pastorali fil-parroċċa ta’ San Duminku, il-Belt. Serva wkoll fil-komunità Dumnikana fil-Birgu u bħala pirjol tal-komunità Dumnikana fi Gwardamanġa. Huwa għamel ukoll tmien snin jgħallem ir-reliġjon u l-istudji tal-media fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir fil-Belt, u kien assistent kap tal-istess skola.

Il-parroċċa ta’ Ġesù Nazzarenu f’Tas-Sliema tiġbor fiha madwar 2,900 persuna.