Lokali

Konrad Mizzi jaħrab mill-iskrutinju tal-PAC dwar l-Electrogas

L-eks Ministru, eks Deputat Mexxej Laburista u eks Membru Parlamentari mal-Grupp Laburista Konrad Mizzi għażel li jaħrab mill-iskrutinju tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament dwar il-proġett tal-Electrogas.

F’post fuq Facebook, Konrad Mizzi, illum Deputat indipendenti qal li dan hu “eżerċizzju politiku partiġġjan”. Il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi qed jinvestiga d-deal tal-Electrogas wara l-kundanna mill-Awditur Ġenerali.

Fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali kien sab diversi nuqqasijiet kbar fosthom, l-involviment ta’ Nexia BT biex il-kuntratt jingħata lill-Electrogas. L-istess Nexia BT kienet waqqfet il-kumpaniji fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri li kellhom jirċievu €5,000 kuljum mill-kumpanija 17 Black, li kienet ta’ Yorgen Fenech.

L-Awditur Ġenerali kien ikkundanna wkoll il-garanzija bankarja ta’ €360 miljun mogħtija mill-Gvern bħala “irregolari” u “riskjuża għall-aħħar”.

L-Awditur Ġenerali sab ukoll li l-elettriku iġġenerat mill-power station tal-Electrogas hu iktar għoli mill-elettriku ġenerat mill-interconnector, iżda minkejja dan, il-Gvern intrabat biex jixtri l-biċċa l-kbira tal-elettriku iġġenerat mill-Electrogas bl-interconnector ftit li xejn ikun utilizzat.

Inkredibbilment Konrad Mizzi qal li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali “xejjen għal kollox l-allegazzjonijiet tal-Oppożizzjoni.”