Lokali

Linji gwida biex ikun hemm bilanċ bejn is-sessi fil-programmi ta’ diskussjoni

F’seminar li ttella’ l-Erbgħa filgħodu mill-Awtorità tax-Xandir ġiet diskussa t-tema ta’ rappreżentanza tas-sessi fejn ġew imnedija għadd ta’ linji gwida wara rapporti u analiżi li saret fl-aħħar xhur fuq ħames stazzjonijiet televiżivi f’pajjiżna.

Fost il-linji gwida li gew imnedija, intqal li mhux biss għandu jkun hemm rappreżentanza ugwali, iżda rappreżentazzjoni li tkun waħda ġusta, li permezz tagħha tolqot il-ġeneri kollha u ma jkollhiex kliem jew atteġġjament li jippreġudika lil xi ħadd.

Sar appell ukoll biex fil-programmi tat-televiżjoni ma jinħolqux sterjotipi, kemm fi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti u anki dawk ta’ matul il-ġurnata. Intqal li anki l-mistiedna għandhom ikunu f’bilanċ, fejn f’panel kemm jista’ jkun ikun kemm nisa, kif ukoll irġiel.  

Kien spjegat ukoll li għandu jkun hemm format tal-programmi li jsaħħaħ l-ugwaljanza ta’ bejn l-irġiel u n-nisa. Dan għandu jsir mhux biss waqt il-programmi fejn ikun hemm il-mistiedna fl-istudio, imma anki fl-editjar tal-filmati.

Fil-programmi tat-televiżjoni għandu jkun hemm ukoll attenzjoni minn kulħadd u li ma jkunx hemm diskrepanzi li jneħħu l-bilanċ. Tul din is-sessjoni attendew għadd ta’ managers tal-istazzjonijiet u l-programmi, producers, preżentaturi u anki ġurnalisti.