- Jason Azzopardi, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-Gvern, li hu għajjien u qed jitlef l-ideat, hu ta’ theddida għad-demokrazija bl-aktar mod ċar u b’diversi eżempji mill-aqwa li juru kif ċerti elementi fi ħdanu qed jistmaw lill-Oppożizzjoi bl-agħar mod possibbli
Jason Azzopardi qal li dan l-Abbozz ta’ Liġi jitkellem dwar is-servizzi parlamentari u l-Oppożizzjoni taqbel miegħu. Iżda hemm bżonn ta’ ħafna aktar riżorsi biex din l-istituzzjoni taħdem aħjar.
Hu spjega kif il-Parlament jirrappreżenta lin-nies u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Hawn sitwazzjoni fejn fl-aħħar xhur żviluppat sitwazzoni ta’ kattiverja u arroganza minn membri tal-Gvern fuq membri tal-oppożzzjoni. Ħaġa bħal din tistenniha f’pajjiżi fejn ma hemmx demokrazija u fejn hemm id-dittatura. Iżda mhux f’ pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
Hu rrifera għat-tnedija tad-Dokument li jippreżenta l-Istrateġija Nazzjonali għax-Xogħol fis-snin li ġejjin li saret nhar it-Tlieta li għadda mill-Minstru Clyde Caruana wara li f’Jannar li għadda kienet tnehdiet l-inizjattiva dwar din l-istrateġija u dakinhar kien ingħad mill-Ministru li kellhom ikunu konsultati mal-mitejn entità qabel ma jitfassal dan id-Dokument ta’ din l-istrateġija.
Issa Clyde Caruana nieda dan id-Dokument iżda jirriżulta li qatt ma tkellem u kkonsulta mal-Oppożizzjoni dwar l-istrateġija li għandu jadotta pajjiżna fis-snin li ġejjin fir-rigward tal-impjiegi!
Dan hu trattament mill-agħar mill-Gvern. Suppost politika nazzjonali tal-impjiegi…. konsultazzjoni wiesa’ ħafna iżda mhux mal-Oppożizzjoni… “Aħna bħala Oppożizzjoni nistennew li nkunu kkonsultati iżda mhux qed jiġri u dan hu tat-tħassib.”
Filwaqt li qal li l-Oppożizzjoni m’għandhiex dritt tiddetta lill-Gvern iżda li tliġġem lill-Gvern milli jabbuża mis-setgħat mogħtija mil-Liġi, Jason Azzopardi qal li tajjeb li wieħed japprezza li fl-aħħar snin il-Gvern Laburista daħħal mas-Settur Pubbliku xejn inqas minn 20,000 persuna!
Dan kollu għall-voti. Dan kollu biex jixtri l-voti. Dan kollu għaliex il-Gvern qata’ qalbu milli jinħolqu impjiegi produttiv fil-privat.
Jason Azzopardi hawnhekk faħħar lill-Ewro-Parlamentari Nazzjonalista David Casa li nrexxielu jipperswadi 28 Gvern Ewropew biex jissaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għal ħaddiema, l-aktar meta dawn jitilfu lil xi ħadd min uliedhom.
Iżda mbagħad għandna Gvern Laburista li jinjora lill-Oppożizzjoni. Anzi għandna Gvern Laburista li nhar l-Erbgħa waranofsinhar spiċċa biex jiddefendi lill-korrott Konrad Mizzi li ma riedx jidher quddiem il-Kumitat tal-Kamra għall-Kontijiet Pubbliċi. Tal-mistħija dan kollu iżda tal-Labour ma għandhom l-ebda alternattiva oħra għaliex min jaf kemm għaddew flus mingħand Konrad Mizzi lill-Partit Laburista? Flus li ġejjin mingħand Yorgen Fenech. U min jaf kemm għaddew flus mingħand Konrad Mizzi lil Joseph Muscat?
Jason Azzopardi kellu kliem ħorox ta’ kritika għall-Gvern dwar ir-Rapport Pubbliku dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u qal li anqas dan ir-Rapport ma kien diskuss fid-dettall mill-Kamra kif is-serjetà kienet tistenna li jsir. U dan hu eżempju ieħor mill-aqwa ta’ impunità, ta’ min hu l-aqwa jħawwel u min hu korrott ikun ippremjat.
Il-Gvern għamel minn kollox biex ħeba dak ir-Rapport Pubbliku u għamel minn kollox biex filwaqt li jiftaħar li hu progressiv, ma jieħux inizjattivi biex jipproteġi lill-ġurnalisti li huma mhedda minħabba r-rapporti tagħhom.
Jason Azzopardi kkritka lill-Gvern bl-imġiba tiegħu mhux se jirnexxielu joħroġ lil Malta mil-Lista l-Griża. Kif jista’ jkun li l-Gvern jiddefendi lil Konrad Mizzi u jippretendi li Malta tinħareġ mil-Lista l-Griża?
//= $special ?>